Università: Id-doppju studenti fis-Senat, jonqsu bin-nofs il-ħatriet tal-PM fil-Kunsill

L-għadd ta’ studenti fis-Senat tal-Università ta’ Malta se jirdoppja għal 10, filwaqt li kważi jonqsu bin-nofs in-nies maħtura mill-Prim Ministru (PM) fil-Kunsill tal-Università, għal 7.
Dawn huma wħud mill-bidliet li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jipproponi f’abbozz ta’ proposti sabiex l-Università ta’ Malta tkun aktar miftuħa u eqreb lejn is-soċjetà.
Li joħroġ minn dawn il-proposti wkoll hu li twarrbet l-emenda fl-Att dwar l-Università li kienet tressqet f’Novembru li għadda, li fost l-oħrajn kienet tara bord governattiv ġdid magħżul personalment mill-Prim Ministru.
Dakinhar kienu bosta akkademiċi, fosthom il-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (KSU) u l-Assoċjazzjoni tal-Istaff tal-Università ta' Malta (UMASA) li ma kinux kuntenti b’dawn l-emendi, li issa twarrbu.
Simon Cachia u Denis Zammit, konsulenti legali f'isem il-Ministeru għall-Edukazzjoni, qalu li dawn il-proposti saru bil-għan li jkun hemm aktar involviment demokratiku tal-partijiet demokratiċi fl-organi governattivi fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Preżentament il-membri eletti fil-Kunsill, l-ogħla organu fl-Università, huma 3 eletti mill-istaff akkademiku, 3 mill-amministrazzjoni u 3 studenti. Dawn issa se jsiru 4 kull wieħed, u se jkun hemm ukoll membru appuntat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).
Iċ-Ċerpersin tal-Kunsill tal-Università se jkun magħżul mill-PM.
Il-Kunsill se jkun marbut li kull sena jorganizza forum miftuħ għall-pubbliku li fih jiġu diskussi materji akkademiċi, amministrattivi u finanzjarji.
L-elezzjoni tar-rettur u l-Kulleġġ Elettorali
Ir-rettur mhux se jibqa’ jiġi elett mit-28 membru tal-Kunsill, iżda minn Kulleġġ Elettorali li se jkun magħmul minn 10 membri tal-istaff akkademiku tal-Università, 10 membri tal-istaff amministrattiv, 10 studenti, 7 membri mill-Kunsill appuntati mill-PM u membru appuntat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet.
Dan ifisser li l-Gvern mhux se jifdallu l-maġġoranza assoluta fl-elezzjoni biex jilħaq rettur ġdid.
Kumitat strateġiku u finanzjarju għall-Kunsill
Il-Ministeru qed jipproponi li jitwaqqaf kumitat strateġiku u finanzjarju biex il-Kunsill jikkonsulta miegħu fuq suġġetti importanti, ngħidu aħna materjal ġdid fl-eżamijiet.
Dan se jkun magħmul mir-Rettur tal-Universita, 2 rappreżentanti mis-Senat u l-Kunsill, rappreżentant għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u ieħor għall-Finanzi, rappreżentant mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, u rappreżentant mill-Kummissarjat tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Dal-kumitat irid jipprepaera pjan streteġiku u istituzzjonali kull 3 snin, jipprepara baġit u jippreżentah lill-Kunsill għall-approvazzjoni.
L-elezzjoni għal dekan tal-fakultà
Preżentament biex lettur isir dekan tal-fakultà fejn jgħallem irid ikun diġà kap ta’ dipartiment fl-istess fakultà, iżda issa qed jiġi propost li dir-regola titwarrab. Kull lettur anzjan (senior) u full-time jista’ jkun kandidat.
Id-dekan mhux se jibqa’ jiġi elett mill-istaff akkademiku biss, iżda mill-membri tal-istaff amministrattiv u tekniku tal-fakultà u rappreżentanti tal-istudenti li huma membri tal-bord tal-fakultà.
Bord tal-appelli
Ġie propost li l-Università tkun obbligata jkollha bord tal-appelli għal ħaddiema jew studenti li jkunu jridu jaħdmu jew jistudjaw l-Università. Ikunu jistgħu jappellaw minn deċiżjonijiet li jsiru fil-konfront tagħhom.
Dan il-bord se jkun parallel mad-drittijiet legali li għandu kull ċittadin.
Tista' taqra l-proposti ppubblikati llum bl-Ingliż, minn hawn taħt.