Unions Maltin jappellaw għal azzjoni immedjata mill-Gvern biex il-pandemija tiġi kkontrollata

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) appellat sabiex il-Gvern Malti jieħu azzjoni issa sabiex jara li l-pandemija tkun ikkontrollata fil-pajjiż. Il-Forum sostna li jinsab imħasseb ħafna dwar il-mod kif qed tevolvi s-sitwazzjoni fejn tidħol il-firxa tal-coronavirus fil-pajjiż.

Fi stqarrija dalgħodu, il-Forum irrimarka li s-sitwazzjoni tista’ tispiċċa gravi u diffiċli li wieħed ilaħħaq magħha, partikolarment fejn jidħol l-isptar u l-kapaċitajiet tal-ITU, iżda wkoll fejn tidħol il-ħajja tal-poplu. Insista li hemm bżonn li jittieħdu passi issa u immedjati biex bil-mod nerġgħu lura għal stat fejn il-poplu jkun jista’ jasal fl-aktar punt viċin in-normal possibbli.

Il-Forum issuġġerixxa numru ta’ passi li jemmen li għandhom jittieħdu. Dawn huma:

  • Kontrolli aktar stretti tal-fruntieri tal-pajjiż fejn dawk kollha li jivvjaġġaw lejn Malta għandhom jiġu ttestjati jew qabel ma jaslu Malta jew inkella mal-wasla tagħhom. Jekk dawn ma jagħmlux it-test, mela għandhom jitpoġġew fi kwarantina.
  • Infurzar aktar strett dwar l-użu tal-maskri biex din tintlibes kemm ġewwa u anke barra fejn jinġabru gruppi ta’ persuni.
  • Miżuri aktar stretti, inkluż l-għeluq temporanju ta’ żoni ta’ riskju għoli.
  • Tnaqqis tan-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jinġabru fi grupp.
  • Emfasi akbar fuq ix-xogħol mid-dar, partikolarment fil-każ ta’ impjegati vulnerabbli u fejn hu possibbli.
  • Kampanja edukattiva li tgħin lill-pubbliku jifhem aħjar għaliex hawn bżonn dawn il-miżuri.
  • Il-ħruġ ta’ messaġġi konsistenti mill-awtoritajiet rispettivi kemm għad-direzzjonijiet ipprovduti u l-azzjonijiet li jittieħdu.

For.U.M. qal li jemmen li jekk dawn l-azzjonijiet jittieħdu mingħajr dewmien, ikun possibbli li l-pandemija terġa’ lura taħt l-istess kontroll li kien hawn ftit tax-xhur ilu. B’hekk, il-maġġoranza tal-poplu jkun jista’ jerġa’ jibda jgawdi l-ħajja b’mod l-aktar viċin in-normal sal-festi tal-Milied.

Fl-aħħar jiem in-numri tal-coronavirus fil-pajjiż baqgħu dejjem tilgħin propju hekk kif għall-ewwel darba minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż, hawn aktar minn 800 każ attiv kurrenti. Intant, l-imwiet fil-pajjiż komplew dejjem jikbru biex b’hekk issa mietu total ta’ 43 persuna. Intant, filwaqt li ħafna qed jaħsbu li l-coronavirus jaffettwa b’mod gravi biss lill-anzjani u persuni li għandhom kundizzjonijiet ulterjuri, diversi rapporti fuq il-midja lokali fl-aħħar jiem qed juru stampa differenti hekk kif issa hemm anke persuni ta’ età żgħira li jinsabu fl-ITU minħabba li mardu b’dan il-virus.