UNHCR: L-isfida tal-immigrazzjoni trid is-sehem ta’ kulħadd

Il-UNHCR, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, appellat lil Gvernijiet Ewropej biex jaħdmu flimkien, jiddedikaw iktar riżorsi, u jipprovdu alternattivi biex inqas persuni jirriskjaw ħajjithom fit-traġitt tagħhom mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Ewropa.
Sostniet li din ma tistax tkun sfida ta’ ftit pajjiżi, u li anke l-Libja trid tagħmel il-parti tagħha. Dan minħabba li fis-sitwazzjoni politika kaotika li hemm bħalissa fil-Libja qed tirrenja l-kriminalità, inkluż fil-ġarr tal-immigranti.
Lejlet għeluq is-sena mit-traġedja ta’ Lampedusa, UNHCR sostniet li fit-tliet xhur bejn Lulju u Settembru qasmu lejn l-Ewropa madwar 90,000 ruħ, filwaqt li mill-inqas 2,200 tilfu ħajjithom fil-vjaġġ.
Dan meta fis-sitt xhur ta’ bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, kien hemm 75,000 ruħ li ppruvaw jaslu l-Ewropa, li minnhom mietu mat-800.
L-2014 s’issa hi diġà sena rekord fejn tidħol l-immigrazzjoni. Lejn l-Ewropa qasmu 165,000 ruħ meta mqabbel mas-60,000 tas-sena l-oħra kollha kemm hi.