“Umilment nitlob skuża” – Segretarju Ġenerali PN

“Umilment nitlob skuża għal dak li ġara barra mid-Dar Ċentrali fil-ħin li kien qed jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv.”

Hekk kiteb Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, lil Sylvana Debono, Editor in Chief, ta’ Newsbook.com.mt. Puli kien qed iwieġeb għall-ittra ta’ Debono li pprotestat għall-fatt, li nhar it-Tlieta membru ta’ Kunsill Lokali elett f’isem il-PN ipprova jintimida ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt biex hija tieqaf milli tkompli tiffilmja inċident li kien hemm quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN. Kien hemm ġurnalista u attivista tal-PN li waqqfu lir-raġel milli kien qed jipprova jagħmel.

“Mhux fuq direzzjoni tal-partit”

Fl-ittra tagħha Debono nsistiet li l-libertà tal-istampa għandha tkun imħarsa bis-sħiħ u talbet lil Puli biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu, għax f’demokrazija l-ġurnalisti għandhom dritt jagħmlu xogħolhom bla tfixkil.

Minbarra li skuża ruħu Puli qal li “nassigurak li dan ma seħħx fuq direzzjoni tal-partit u se nieħu passi biex inċidenti simili ma jseħħux”.

Id-Direzzjoni ta’ Newsbook.co.mt tilqa’  pożittivament ħafna l-apoloġija tas-Segretarju Ġenerali tal-PN u d-dikjarazzjoni tiegħu li se jieħu passi biex ma jerġgħux iseħħu inċidenti simili. “Huwa rari ħafna li jkun hemm apoloġiji ta’ dan it-tip meta jseħħu inċidenti simili”, kompliet id-direzzjoni ta’ Newsbook.

Ċaħda indiretta ta’ Repubblika

L-imejl li Puli bagħat lil Newsbook.com.mt qed tiċħad mingħajr ma tagħmel referenza lejn dak li kitbu l-membri tal-NGO Repubblika. Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa, jiġifieri tlett ijiem wara li seħħ l-inċident, Repubblika kitbu li dawk li wettqu l-inċident “kellhom xi forma ta’ awtorità mogħtija lilhom mill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.”

Fl-imejl tiegħu Puli qed jgħid li dak li ġara “ma seħħx fuq direzzjoni tal-partit”.

IĠM – 3 ijiem wara

Stqarrija tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qalet li kitbu jipprotestaw mal-Kap tal-PN Adrian Delia li qalilhom li se jinvestiga l-każ u jikkomunika dak li qallu l-IĠM lill-uffiċjali tal-Partit.

L-istqarrija tal-IĠM ħarġet ukoll il-Ġimgħa, jiġifieri tliet ijiem wara l-inċident, allavolja l-president tal-Istitut kien fuq il-post meta ġara l-inċident.

Aqra wkoll: Filmat: Ġurnalista ta’ Newsbook imwaqqfa milli tagħmel xogħolha barra d-Dar Ċentrali