“Umani se jkompli” – Maria Muscat

Maria Muscat

Hekk kif bħal-lum xahar l-istazzjonijiet lokali jniedu b’mod uffiċjali l-iskeda tal-ħarifa, aktar programmi li se jkunu qed jixxandar ikomplu jitħabbru mill-preżentaturi u produtturi nfushom. Fost il-programmi li se jkunu qed jirritornaw fuq TVM insibu l-programm popolari Umani mmexxi minn Maria Muscat.

Kien permezz ta’ post fuq Facebook li Muscat ikkonfermat li l-programm se jkun qed jirritorna għar-raba’ staġun tiegħu fuq TVM.

Għal dan il-programm Maria Muscat tagħżel stejjer ta’ nies minn kull lat tal-ħajja, li jkunu għaddew minn diffikultajiet kbar, fosthom ta’ mard, problemi fiżiċi, mentali, jew anki emozzjonali. L-intenzjoni tal-programm Umani hu li jitwassal il-messaġġ li fil-ħajja dejjem hemm xaqq dawl ta’ tama, meta bniedem minkejja li jaqla’ daqqiet ta’ ħarta, b’kuraġġ u determinazzjoni, iqum mis-sitwazzjoni li jkun fiha, u jipprova jimxi ‘il quddiem. 

Waqt Umani Maria Muscat tkompli tippreżenta stejjer ta’ nies li jew qatt ma dehru fuq it-televiżjoni, jew nies li minkejja li nafuhom minħabba d-dehra pubblika tagħhom, ma nkunux nafu li jkunu għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli u li permezz tagħhom ikunu qed jagħtu kuraġġ lil ħaddiehor.  

Dwar il-ġurnata u l-ħin Umani mhux se jixxandar aktar fost il-ġimgħa iżda se jkun qed jagħmel appuntament mat-telespettaturi is-Sibt wara nofsinhar fl-4.30pm, eżatt wara Sibtek.