Uliedna: Meta u kif ngħid le?

Tifel jibki

Veru li l-età ta’ tfal ta’ sentejn hija żmien it-terribile twos? Forsi ngħidu hekk għax it-tfal ikunu saru jafu jgħidu le u jgħiduha ta’ spiss. Forsi wkoll il-kelma le tkun waħda mill-ewwel kliem li jkunu tgħallmu għax jisimgħuha tingħad ħafna drabi minn dawk ta’ madwarhom! 

Ma’ tfal żgħar, il-le għandna ngħiduha biss meta jkun hemm xi periklu fin-nofs. Għandna ngħiduha b’leħen sod u wiċċ serju. Din il-le tagħna qatt ma għandha ssir iva, biex hekk it-tfal isiru jafu sew xi tfisser. 

Xi drabi f’din l-età nistgħu ngħidu ‘le’ mod ieħor. Kif? Pereżempju t-tifla tgħidlek li trid ħelwa qabel l-ikel. Minflok tgħidilha le, tista’ tgħidilha, “Iva, il-ħelu tista’ tieklu, imma wara li tispiċċa s-soppa.” Naturalment, ħu ħsieb li żżomm kelmtek! 

F’każ ta’ tfal ta’ età akbar, importanti li nkunu konsistenti. Pereżempju, John għandu 10 snin u jrid ġugarell. Ommu tgħidlu, “Le, għax din l-istess ġimgħa diġà xtrajna ieħor!” John jista’ jibda jgħajjat u jeqred għall-ġugarell, u l-omm taf tibda ċċedi u tgħidlu, “Mhux illum, immorru għada, għax illum għajjiena.” John ikompli jsabbat saqajh u jgħidilha, “Issa! Immorru issa!” u jkompli jibki u jgħajjat. Fl-aħħar l-omm tgħidlu, “Orrajt, imxi mmorru għax ħadtli rasi!” 

L-omm hawnhekk tkun għamlet żball kbir. 

Fejn hemm bżonn ngħidu le, bħal f’dan il-każ, ma għandniex nibżgħu ngħiduha – imma nistgħu ngħiduha u nżommuha mingħajr ma nidħlu f’xi argument magħhom. 

Meta l-le tagħna tinbidel f’iva, kif għamlet omm John, il-lezzjoni li jieħdu t-tfal tista’ tkun perikoluża ’l quddiem. Inkunu qed ngħidulhom li l-le tagħna tista’ ssir iva, li aħna ma nżommux il-kelma, li aħna ngħidu le għal xejn b’xejn, li l-kelma tagħna ma tiswiex u ma hemmx għalfejn jagħtu kasha. 

Għalhekk, qabel tgħid le, aħsibha sew. Jekk hemm bżonn tgħid le, għid le, imma mbagħad żomm kelmtek. B’hekk kelmtek tiġi tiswa aktar, u wliedek iħossu li għandhom min jurihom it-triq

Dan l-artiklu huwa parti mill-magazine Flimkien, edizzjoni t’April 2020. Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.