“Uliedna għall-eżami fid-dħaħen tal-Magħtab”

Ġenituri kkuntattjaw lil Newsbook.com.mt imħassba dwar uliedhom li llum qed jagħmlu eżami tal-MATSEC fl-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary. Dan wara li kmieni dalgħodu, nirien ħakmu parti mill-WasteServ fil-Magħtab u ħarġu avviżi kemm mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll mill-awtoritajiet tas-Saħħa sabiex it-twieqi jinżammu magħluqa u jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha minn persuni li għandhom problemi tal-qalb u l-pulmun.

Immedjatament, Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-MATSEC u anke mal-Higher Secondary li kkonfermaw li dalgħodu kien hemm eżami jibda fid-9am fl-iskola. Id-Direttur tal-MATSEC, Dario Pirotta, sostna li filwaqt li l-MATSEC tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet ikkonċernati, qed jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Spjega li l-eżami beda fid-9am u pproċeda b’mod normali. Madwar 800 kandidat poġġa għal eżami fit-tliet ċentri ta’ eżamijiet f’Malta.

Intant, il-mistoqsijiet li ntbagħtu, kemm lil Higher Secondary kif ukoll lill-Ministeru permezz ta’ imejl għadhom bla risposta.

Skont l-iskeda tal-eżamijiet fuq is-sit tal-MATSEC, jidher li hemm eżami ieħor skedat illum fl-4pm.

Intant, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili talab lir-residenti tan-Naxxar, San Ġwann, Tas-Sliema u postijiet oħra fil-viċinanzi biex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa. L-Awtoritajiet tas-Saħħa wissew li persuni li għandhom problemi f’qalbhom jew fil-pulmun, bħall-asthma qiegħdin f’riskju akbar meta esposti għal dawn id-dħaħen. Dawk kollha li jesperjenzaw xi problemi fin-nifs minħabba d-dħaħen qed jintalbu jitkellmu ma’ tabib immedjatament.