“Ulied l-emigranti fl-Awstralja jridu jġu jaħdmu Malta”

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li sema’ li ulied ulied l-emigranti Malti fl-Awstralja issa qed jikkunsidraw jiġu Malta biex jaħdmu hawnhekk, u qal li dan jagħtih sodisfazzjoni.
Waqt żjara li kellu flimkien ma’ martu, Michelle Muscat, il-PM ħeġġeġ lill-komunità Maltija biex tibqa’ tieħu sehem fl-attivitajiet li jittellgħu mill-Maltin għall-Maltin, iżda qalilhom li hu kruċjali li jipparteċipaw ukoll fil-komunità Awstraljana.
Sostna li l-Maltin fl-Awstralja m’għandhomx iħossuhom fi grupp ta’ minoranza imma parti mill-kontinent Awstraljan, daqs kemm iħossuhom parti minn Malta bħala art twelidhom.
Muscat sostna li, kif jixhdu r-riżultati ekonomiċi, f’kull żjara li jagħmel barra minn pajjiżna jipprova jġib iktar xogħol lejn Malta.
Iż-żjara ta’ ħidma tal-PM saret fl-Istat ta’ Victoria, fejn hemm komunità kbira ta’ Maltin.
Miegħu kien hemm Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima.
Ritratt: DOI – Jason Borg