Il-familja ta’ Mark Camilleri, il-vittma ta’ inċident bil-mutur fil-Mistra nhar is-Sibt li għadda, irnexxielha tiġbor biżżejjed flus biex tiġi Malta għall-funeral, peress li wliedu joqogħdu l-Awstralja.
Ibnu Nathan Camilleri kiteb fuq Facebook illum messaġġ ta’ ringrazzjament lil kull min għenhom f’dan iż-żmien diffiċli.
Mark Camilleri, li kellu 46 sena u kien jgħix il-Mellieħa, tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun direzzjoni lejn il-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.40pm nhar is-Sibt li għadda.
Uliedu Nicole u Nathan għamlu paġna fuq is-sit elettroniku Go Fund Me biex il-pubbliku jkun jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu għall-vjaġġi tagħhom u tan-neputijiet ta’ missierhom mill-Awstralja għal Malta. Kitbu li jimmissjaw lil missierhom u jixtiequ li jkunu flimkien għall-aħħar darba qabel ma jagħtuh tislima għal dejjem.
L-għan tagħhom kien li jiġbru $10,000, u ġabru $10,153.