Ulied Daphne jridu li l-AĠ jitkeċċa fuq “il-memorandum tal-qtil”; l-AĠ iwieġeb

Read in English.

Andrew, Matthew u Paul Caruana Galizia, ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, appellaw għar-riżenja ta’ Peter Grech mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali minħabba ittra li bagħat lill-pulizija li kienu qegħdin jinvestigaw il-każ tal-Panama Papers li fiha tahom parir biex ma jagħmlux mossi drastiċi.

Din l-ittra ġiet ippubblikata mit-Times of Malta llum.

F’kitba fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia qal li din l-ittra mibgħuta lill-Pulizija fis-16 ta’ Mejju tal-2016 tista’ tissejjaħ il-“memorandum tal-qtil.” Sostna li li kieku l-AĠ ordna lill-pulizija biex jagħmlu xogħolhom, minflok ma kkonfoffa mal-Prim Ministru Joseph Muscat biex tieqaf l-investigazzjoni fuq il-Panama Papers, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech u oħrajn kienu jkunu l-ħabs sal-2017, u ommu Daphne kienet tkun għadha ħajja.

L-Avukat Ġenerali kien wissa lit-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi li jekk tittieħed l-evidenza mingħand l-accountants tan-Nexia BT, li għenu lil Mizzi u Schembri jwaqqfu l-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama, din kienet tkun mossa “drastika” u li tintrudi.

Caruana Galizia ssokta jgħid li kellhom raġun meta talbu r-riżenja tal-AĠ l-għada li nqatlet Daphne Caruana Galizia fis-16 t’Ottubru tal-2017, u għandhom raġun illum ukoll. “M’hemmx għażla oħra ħlief li l-Prim Ministru jkeċċi lil Peter Grech minnufih,” kiteb il-ġurnalist.

We can now start calling the memo that the Attorney General sent in May 2016, grinding the Panama Papers investigation…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Tuesday, July 7, 2020

Andrew Caruana Galizia stqarr li waqt li ommu kienet qiegħda tinvestiga l-każ tal-Panama Papers, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ħallewha tissielet waħedha qalb xibka kriminali u l-kumpanni tagħhom fil-Gvern, u baqgħet tissielet sakemm inqatlet.

Paul Caruana Galizia lissen l-istess fehma ta’ ħutu meta qal li l-affarijiet setgħu ħadu xejra differenti ħafna li kieku ma ngħatax dan il-parir mill-AĠ.

Il-parir kien fuq azzjoni speċifika – L-AĠ

Min-naħa tiegħu, fi stqarrija ppubblikata llejla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni, skontu mhux awtorizzata, ta’ din l-ittra, intqal li “il-parir imkien ma jirrakkomanda t-twaqqif ta’ xi investigazzjonijiet jew tal-ġbir ta’ provi kontra xi professjonisti, uffiċjali tal-Gvern, jew persuni oħra.” Fl-istqarrija dak li ntqal fuq il-parir tal-AĠ ġie deskritt bħala “allegazzjonijiet foloz,” “tgħajjir infondat” u “insinwazzjonijiet.”

L-AĠ ikkjarifika li l-parir ma kienx dwar l-investigazzjoni kollha iżda biss dwar azzjoni partikolari li ntalab parir dwarha. Din hija, skont Grech, fuq il-qbid ta’ servers mingħand azjenda li tkun qed topera u fuq il-ħtieġa illi l-Pulizija tibbaża azzjoni bħal dik fuq suspett raġonevoli sod sabiex tiġi evitata l-illegalità u r-responsabbiltà għall-ħlas ta’ danni.

L-istqarrija tgħid ukoll li, “Huwa diffiċli li wieħed jimmagina illi Avukat raġonevoli u responsabbli jagħti parir li titwettaq miżura intrussiva bħal dik mingħajr bażi legali soda.”

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt is-smigħ tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista, hu u jixhed l-eks kap tas-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Ian Abdilla, huwa qal li ma saritx investigazzjoni fil-Panama Papers u lanqas ma ġew ikkuntattjati uffiċjali tal-Europol biex jgħinu.

L-AĠ ġie akkużat li talab lill-pulizija jieħdu l-investigazzjoni fuq il-Panama Papers bil-kalma.