Ulied Aretha Franklin jiġġieldu dwar il-wirt wara li nstab testment ġdid; Il-każ jinqata’ fis-17 ta’ Ġunju

Meta Aretha Franklin mietet is-sena l-oħra l-familja tagħha ħasbu li ma kinitx biddlet testment li ffirmatu fl-2014. Imma dan l-aħħar instabu dokumenti li jagħtu dettalji preċiżi dwar kif kellu jinqasam ġidha wara mewtha.

Skont il-liġi f’Michigan fl-Istati Uniti ġidha kellu jinqasam l-istess bejn l-erba’ subien tagħha. Imma issa sabu dokumenti miktuba minnha stess li kienu moħbija f’kaxxa taħt is-sufan fejn kienet toqgħod. Skont dawn id-dokumenti l-kantanta talbet li jkun hemm bdil sostanzjali minn dak li kienet fit-testment ta’ ħames snin ilu.

Dawn il-bidliet li nstabu issa qasmu għal kollox lil uliedha: tnejn minnhom jaċċettaw dawn id-dokumenti bħala testment validu waqt li t-tnejn l-oħra jibqgħu jridu dak li hemm miktub fit-testment ta’ qabel.

Id-dokumenti li nstabu għaddew għand l-Imħallef Jennifer S. Callaghan li għandha tiddeċiedi jekk dawn jgħoddux bħala testment. Il-każ għandu jinqata’ fis-17 ta’ Ġunju.

Jingħad li meta Aretha Franklin mietet ta’ 76 sena kellha ġid li jlaħħaq $80 miljun.