Ukraina: Elezzjonijiet Presidenzjali għal Mejju li ġej

Fl-Ukraina, il-Parlament ivvota għat-tneħħija tal-President Viktor Yanukovich u qed tissemma d-data tal-25 ta’ Mejju għall-elezzjonijiet Presidenzjali.
 
Minkejja dan, iżda, il-President Ukren Yanukovich ħarab mill-kapitali Kjiev waqt li tenna bil-qawwa li mhux lest jirreżenja. Huwa sejjaħ dan il-vot bħala kolp ta’ stat. Bejn ilbieraħ u llum irriżenjaw mill-partit ta’ Yanukovich 41 deputat wara t-28 deputat li rreżenjaw ilbieraħ, illum kien imiss 13-il riżenja oħra fi ħdan il-Partit tar-Reġjuni ta’ Yanukovich.
 
Partitarji kontra l-Gvern invadew il-palazz Presidenzjali u qalu li ħadu l-kontroll tal-parlament Ukren.

Intant rapporti oħra fil-midja Internazzjonali qed jgħidu li l-mexxej tal-Oppożizzjoni Yulia Tymoshenko ġiet meħlusa minn sptar fejn kienet qed tinżamm taħt il-kontroll ta' gwardjan tal-ħabs. Xhieda fuq il-post qalu li raw lil Tymoshenko tiġi misjuqa lejn Pjazza Indipendenza fejn qed iseħħu d-dimostrazzjonijijet. Huwa mifhum li l-arrest ta' Tymoshenko kienet waħda mill-manuvri tal-President Yanukovich f'tentattiv biex iwarrab lill-waħda mir-rivali kbar politiċi tiegħu u li ħafna dimostranti kienu ilhom isejjħu għall-ħelsien tagħha.

Il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Joseph Daul waqt li laqa' l-ħelsien mill-arrest ta' Tymoshenko, qal li jinsab soddisfatt li issa Tymoshenko tista' terġa' tingħaqad mal-egħżież tagħha u sejjaħ il-ħelsien tagħha bħala rebħa għal dawk li qed jappoġġjaw is-sħubija tal-Ukraina fl-Unjoni Ewropea.