Uħud mill-aħħar avvenimenti tas-sena 2014

ĠUNJU
Il-kuluri isfar u aħdar flimkien mar-ritmu tas-Samba fetħu l-20 edizzjoni tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja f'Sao Paolo fil-Brażil.
Il-kantanti Jennifer Lopez, Pitbull u Claudia Leitte telgħu fuq il-palk li għandu forma ta' ballun u kantaw l-innu tat-Tazza tad-Dinja "We Are One".
Għal dan il-ftuħ ma setgħax jonqos li tkun preżenti il-President tal-Brażil Dilma Rousseff.
L-ewwel logħba kienet dik bejn il-Brażil u l-Kroazja, li ntemmet b’rebħa għall-Brażiljani bl-iskor ta’ 3-1.
 
LULJU
Wara xahar ta’ logħob u emozzjonijiet differenti, f’Rio de Janiero, l-Ġermanja rnexxielha toħroġ rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja għar-raba’ darba hekk kif għelbet lill-Arġentina bl-iskor ta’ 1-0.
Il-logħba ntrebħet b’gowl deċiżiv u sabiħ ta’ Mario Gotze fit-tieni parti tal-ħin supplimentari b’gowl fil-113-il minuta.
Id-90 minuta logħob għalqu tentattivi perikolużi tal-Arġentina, b’wieħed minnhom jolqot il-lasta.
Meta kollox kien qed jindika li l-logħba se tiġi ssiġillata bil-penaltis, Gotze skurja l-ballun li fil-grawnd ta’ Maracana rnexxielu jqajjem minn bil-qiegħda bil-ferħ, lill-Kanċiellier Ġermaniż Angela Merkel.
Din hi l-ewwel darba li tim Ewropew għolla t-tazza tad-deheb f’pajjiż tal-Amerika t'Isfel.
L-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja fl-2018 se ssir fir-Russja.
 
AWWISSU
Waqt lagħa tal-Kunsill tal-Futsal Malta Association (FMA), bil-preżenza tal-uffiċjali tal-klabbs kollha tal-futsal, ġie varat il-logo il-ġdid tal-FMA.
Il-laqgħa saret fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u kienet evidenti l-arja ta’ ħeġġa u sodisfazzjon għax-xogħol li qed isir bi preparazzjoni għall-bidu tal-istaġun tal-futsal.
Fil-bidu tal-laqgħa tkellem il-President tal-FMA l-Perit Mark Borg fejn iddeskriva l-logo l-ġdid bħala sens ta’ kontinwità minn fejn bdiet l-assoċjazzjoni fi spirtu ta’ tiġdid u dinamiżmu.
Borg semma l-inizzjattivi li l-FMA għandha biex tkompli tippromwovi l-futsal f’Malta, b’mod speċjali fost it-tfal bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Isport.
Tkellem ukoll Kevin Mifsud li qiegħed jokkupa l-kariga ta’ Direttur Tekniku, fejn stieden lill-kowċis kollha biex jieħdu sehem f’żewġ korsijiet li se jagħmel għalihom.
Fuq kollox waqt din il-laqgħa ttelgħu l-poloz tal-kampjonat Premier, tal-Ewwel Diviżjoni u n-Knock Out.
 
SETTEMBRU
It-tim tal-Marsa rebaħ ir-Regatta tal-Vitorja, fejn fil-Kategorija Open ġab 76 punt.
Mill-istess kategorija, Bormla ġabu 48 punt u l-Isla ġabu 40 punt.
F'Kategorija B, Marsa wkoll ġew fuq quddiem bi 72 punt, segwiti mill-Isla bi 44 punt, il-Birgu b'20 punt, Marsamxett u Bormla b'10 punti u Birzebbuga bi 8 punti.
Marsa ġew l-ewwel fil-Frejgatini Kategorija B, f’Ta’ bi Tnejn, f’Tal-Midalji, f’Tal-Kajjiki Kategorija B u fiż-żewġ kategoriji Tad-Dgħajjes B Tal-Pass.
Bormla rebħu t-tiġrija tal-Frejgatina u tal-Kajjiki Kategorija Open,
Intant il-Birgu rebħu Kategorija B fid-Dgħajjes Ċ Tal-Pass, filwaqt li l-Isla rebħu Tal-Midalji Kategorija B.
 
OTTUBRU
Balzan ħadu l-ewwel unur tal-istaġun meta għelbu lil Luxol 3-1 u għat-tielet darba konsekuttiva rebħu s-Super Cup.
 
Ġie fi tmiemu s-seminar ta’ jumejn organizzat mill-Public Broadcasting Services (PBS) flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħGS) u r-RAI.
Dan is-seminar nazzjonali kien miftuħ għall-ġurnalisti sportivi kollha, li għalih attendew aktar minn 40 ġurnalist.
Newsbook.com.mt ħa sehem ukoll u kienet opportunità mill-aqwa li tiltaqa’ u titgħallem minn żewġ ġurnalisti Taljani ta’ aktar minn 30 sena esperjenza, bħalma huma Gianfranco Coppola u Stefano Mattei.
 
Quddiem attendenza ta’ 16,942 spettatur fl-Istejdjum Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-Italja ħarġet rebbieħa imma mhux daqstant sodisfatta.
Wara biss kwarta l-Maltin kienu perikolużi, permezz ta’ frikik mogħti minn Clayton Failla f’tarf il-kaxxa, il-ballun għadda mal-lasta xellugija ta’ Buffon.
Ftit tal-ħin wara, minn korner mogħti minn Manuel Pasqual, Pellè ra l-ballun li għadda mal-lasta.
Fit-23 minuta reġa kien Pasqual minn korner, il-gowlkiper Malti salva x-xutt mill-viċin ta’ Leonardo Bonucci, iżda Graziano Pellè li kellu d-debutt uffiċjali mat-tim nazzjonali Taljan, kien ħafif biżżejjed biex skurja l-uniku gowl fil-partita.
 
NOVEMBRU
Claudio Cassar sar iċ-ċampjn tad-dinja tal-Blackball, magħrufa wkoll bħala 8 Ball.
Fil-finali tal-kompetizzjoni dinjija, li ntlagħbet f’Perth, fl-Iskozja, Cassar rebaħ lil Paul Bennett tal-Afrika t'Isfel, bl-iskor ta’ 8-7.
It-tim tal-Malta Eight Ball Federtion, li kien magħmul minn 21 plejer, lagħab kemm fuq bażi individwali u anki bħala tim.
It-tim tan-nisa ta’ taħt it-23 sena m’għaddewx mill-grupp, filwaqt li l-irġiel waslu sal-kwarti tal-finali u tilfu kontra l-Irlanda 13-5.
Fl-aħħarnett wasal is-suċċess ta’ Claudio Cassar li poġġa lil Malta fl-ogħla grad f’dan l-isport.
 
DIĊEMBRU
Tassew li dalgħodu wara l-maltemp ġie l-bnazzi hekk kif kienet suċċess il-logħba organizzata minn Manolito Micallef flimkien mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (Jival).
Għal din il-logħba, ir-residenti tal-Faċilità lagħbu kontra diversi personalitajiet (VIPs), fosthom atturi, kantanti, ġurnalisti sportivi u eks plejers.
Minn dalgħodu fil-Victor Tedesco Stadium, kienet tidher evidenti t-tbissima fuq dawk kollha li ħadu sehem.
Kienet tinħass armonija kbira u l-preparazzjoni kienet tal-livell għoli, daqs l-aqwa logħba fuq livell kompetittiv.
Kienet il-President ta' Malta Marie-Louise Colerio Preca li fil-bidu tal-logħba tat l-ewwel daqqa ta' ballun. 
Il-logħba li d-dħul minnha mar għall-Istrina, intemmet b’rebħa għall-Jival ta’ 7-4 fuq il-VIPs.
Għat-tim tal-VIPs skurja tripletta Carmel Busuttil u gowl ta' Joe Brincat.