Uħud ma rċevewx il-formola, id-data għat-taxxa ġiet estiża

Ġiet estiża d-data meta trid tintbagħat il-formola tat-taxxa.
Għall-fini tat-taxxa, din il-formola kellha tintbagħat lid-Dipartiment tat-Taxxi interni sal-bieraħ.
Għalkemm mhux l-ewwel darba li ngħatat estensjoni, mhux eskluż li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li kien hawn persuni li sal-ġimgħa li għaddiet kienu għadhom ma rċevewx il-formola. 
Persuni f’diversi nħawi ta’ Malta li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li għalkemm il-formola kellha tasal għand id-Dipartiment sat-30 ta’ Ġunju, sal-ġimgħa li għaddiet kienu għadhom ma rċevewx il-formola.
Dawn il-persuni minn Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħal-Luqa qalu ma’ Newsbook.com.mt li stħarrġu mad-Dipartiment minħabba li bdew jibżgħu li jekk jibgħatu l-formola tard jibdew jeħlu l-multi.
Jirriżulta li bħalma jsir kull sena, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni offra s-servizzi fl-iskejjel fejn jgħinu lin-nies jimlew il-formoli.
L-aħħar jum li kien offrut dan is-servizz kien is-Sibt 28 ta’ Ġunju, jumejn qabel id-data tal-għeluq oriġinali tat-30 ta’ Ġunju.
​Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni avża fi stqarrija li d-data l-ġdida tas-sottomossjoni tal-formola bil-pagament relattiv issa ġiet estiża sat-18 ta’ Lulju.