UĦM tgħid li l-Gvern l-ewwel prova jaqbiżha, issa bagħat proposti foqra

Il-Union Ħaddiema Maqgħudin (UHM) qalet fi stqarrija li tinsab iddiżappuntata li l-Gvern prova jaqbiżha u jinnegozjha ma’ ħaddieħor filwaqt li ssottometta kontroproposti faqar wara sentejn għal numru ta’ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.

Fl-2017, l-UĦM bagħtet proposti ġodda sabiex jiġi nnegozjat ftehim settorali ġdid għal  10 professjonijiet li jinkludu Dentisti, Fiżjoterapisti, Occupational Therapists, Speech Therapists, Radiographers, Podiatrists u xjentisti mal-Medical Laboratory.

Il-Union qalet li tinsab ferm imħassba li li l-Gvern, wara sentejn, bagħat proposti li mhux biss ipoġġi lil dawn l-professjonisti f’sitwazzjoni agħar minn professjonisti inqas kwalifikati minnhom, imma lanqas ma żamm mal-istess parametri ta’ klassijiet li normalment jintużaw. Ħaddiema tal-Gvern li m’humiex professjonisti saħansitra huma iktar vantaġġjati fl-iskali u fil-perkaċċi minn dawn il-professjonisti.

Din il-Union tinsab ferm imħassba għall-fatt li ftit tax-xhur ilu l-Gvern aċċetta union oħra li tiġi involuta fin-negozjati kontra l-proċedura u li dan qed iwassal sabiex il-proċess jitwal ħafna. Dan b’konsegwenza li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet ferm inferjuri minn dawk li qed tipproponi l-UĦM.

Għaldaqstant, il-UĦM bdiet proċess sabiex il-Gvern jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u jinnegozja bil-għaqal pakkett b’kundizzjonijiet li jirriflettu l-professjonalità kif ukoll il-kompetenza ta’ dawn il-professjonisti mingħajr indħil.