Uġigħ fl-ispalla?

Il-frozen shoulder (spalla ffriżata) hija kundizzjoni komuni li twassal biex l-ispalla tibbies u tonqos il-mobbiltà fl-ispalla. Hija magħrufa wkoll bħala adhesive capsulitis. It-terminu frozen shoulder spiss jintuża (b’mod żbaljat) għall-artrite, imma dawn ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Frozen shoulder tirreferi speċifikament għall-ġog tal-ispalla, mentri l-artrite tista’ tirreferi għal ġogi oħra.

Sintomi: Ġog tal-ispalla persistentement muġugħ u iebes. Sinjali u sintomi jiżviluppaw gradwalment.

Kawżi: L-ispalla tikkonsisti fi tliet għadmiet: ix-shoulder blade, il-collarbone (l-għadma tal-għonq), u l-għadma tal-id tal-parti ta’ fuq (humerus). L-ispalla għandha ġog li jaħdem bħal ball-and-socket. Ir-ras tonda tal-għadma tal-id tal-parti ta’ fuq tidħol f’dan is-socket. Il-ġog hu mdawwar b’dak li jissejjaħ connective tissue, jew shoulder capsule. Il-ġog jista’ jiċċaqlaq bla ma jħokk permezz ta’ synovial fluid li huwa likwidu lubrikant. Hu maħsub li frozen shoulder tirriżulta meta ammont ta’ scar tissue jifforma fl-ispalla. Dan iwassal biex il-kapsula tal-ġog tal-ispalla titħaxxen u tissikka, u ma tħallix wisgħa biżżejjed għaċ-ċaqliq. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċaqliq isir iktar iebes u jikkaġuna wġigħ. Ħafna li jbatu b’din il-kundizzjoni jesperjenzaw immobbiltà b’riżultat ta’ ksur jew ferita riċenti.  

Età:L-iktar minn 40 sena ’l fuq. Mas-70% ta’ dawn huma nisa. Kirurġija jew xi ksur jistgħu jwasslu għal immobbiltà waqt li wieħed ikun qed jirkupra, u dan jista’ jwassal biex il-kapsula tal-ispalla tibbies.

Dijabete: 10%-20% ta’ persuni bid-dijabete jiżviluppaw frozen shoulder. Is-sintomi jafu jkunu iktar severi għal raġunijiet li mhumiex ċari.

Eżerċizzji ħfief:

  • Crossover arm stretch: Waqt li żżomm il-parti ta’ fuq tal-id fuq in-naħa li tkun ibbieset, bil-mod u bil-ġentilezza iġbed din l-id fuq quddiemek, taħt il-geddum. Ibqa’ hekk għal 30 sekonda, irrilaxxa u rripeti. Tajjeb li għal dawn l-eżerċizzji tkunu megħjuna u ggwidati minn tabib li jimmanpula l-għadam u l-muskoli (osteopath) jew terapista fiżiku. Meta tibda tħoss ebusija fil-ġog tal-ispalla, fittex għajnuna ta’ tabib mingħajr telf ta’ żmien biex tipprevieni ebusija permanenti.
  • Waqt li toqgħod bilwieqfa bl-ispallejn rilassati, mil ’il quddiem bl-id tal-ispalla mhux muġugħa tistrieħ fuq mejda. Ħalli l-ispalla muġugħa mdendla ’l isfel, u dawwar l-id f’ċirku żgħir, dijametru ta’ madwar pied, qisu l-moviment ta’ pendlu ta’ arloġġ. Żid id-dijametru bil-mod fuq numru ta’ ġranet, hekk kif tibda tirkupra l-mobilità.
  • Aqbad żewġ truf ta’ xugaman minn wara dahrek. Bl-ispalla u l-id it-tajba iġbed ix-xugaman u l-id il-muġugħa ’l fuq lejn l-ispalla. Irripeti 10-20 darba kuljum.

Dijanjosi: It-tobba aktarx li jaslu għal dijanjosi ta’ frozen shoulder fuq bażi ta’ sinjali, sintomi u eżami fiżiku, u wara attenzjoni kbira lill-idejn u l-ispallejn. Is-severità ta’ frozen shoulder hi determinata permezz ta’ test bażiku fejn it-tabib jagħfas u jċaqlaq ċerti partijiet tal-id u l-ispalla. Problemi ta’ natura strutturali jistgħu jkunu identifikati biss bl-għajnuna ta’ imaging tests bħalma huma X-ray jew MRI.

Kura: Hemm diversi metodi biex wieħed itaffi l-uġigħ u jikkalma l-kundizzjoni.

  • Painkillers għall-uġigħ: Mediċini li huma nonsteroidal u jaħdmu kontra l-infjammazzjoni, bħal Ibuprofen, jistgħu jnaqqsu l-infjammazzjoni u jtaffu wġigħ li ma jkunx qawwi. Għal użu fit-tul, hu rakkomandat il-Paracetamol. Pilloli għal kontra l-uġigħ (dejjem fuq ordni tat-tabib) bħal codeine, li fih kontenut ta’ loppju, jistgħu jnaqqsu l-uġigħ ukoll. Importanti li tkellem lit-tabib tiegħek u mhux taqbad u tieħu minn jeddek.
  • Compression packs kesħin jew sħan: Jistgħu jgħinu biex jitnaqqas l-uġigħ jew in-nefħa.
  • Injezzjonijiet ta’ Corticosteroids: Injezzjonijiet ripetuti ta’ Corticosteroids mhumiex rakkomandati għax jista’ jkollhom effetti kuntrarji, anki aktar ħsara għall-ispalla.
  • Terapija fiżika: Tista’ tipprovdi taħriġ b’eżerċizzji biex ikollok mobbiltà u flessibbiltà kemm jista’ jkun mingħajr ma tistrapazza l-ispalla jew tikkaġuna wisq uġigħ.
  • Manipulazzjoni tal-ispalla: Il-ġog tal-ispalla jiġi mħaddem bil-mod waqt li l-pazjent ikun illuppjat.
  • Shoulder arthroscopy: Dan hu tip ta’ kirurgija minimament invażiv li jintuża f’perċentwal żgħir ta’ każi. Tubu żgħir (endoscope) jiddaħħal minn fetħa żgħira fil-ġog tal-ispalla biex jitneħħa xi scar tissue jew strutturi oħra. It-tabib ikun jista’ jirrakkomanda l-aħjar metodu, skont is-severità tas-sintomi.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.