Uffiċjali tal-UE dwar it-trasport fi żjara f’Malta

Il-Kordinatur tal-Unjoni Ewropea għall-Motorways of the Seas Brian Simpson u l-amministratur tat-TEN-T Josè Anselmo jinsabu f’Malta fuq stedina tal-Ministeru għat-Trasport.
Matul din iż-żjara se jiġu diskussi inizjattivi taħt il-qafas regolatorju tat-TEN-T u fondi tal-Unjoni Ewropea li ġew allokati għal dan il-qasam.
Din hija t-tieni żjara f’Malta minn membru tat-tim tal-Kordinaturi Ewropej.
Fil-bidu ta’ din iż-żjara ta’ jumejn, Brian Simpson ltaqa’ mal-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u maċ-Ċermen ta’ Transport Malta James Piscopo.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru Mizzi enfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabtiet marittimi ta’ Malta u laqa' t-tnedija tat-tieni sejħa għall-proposti taħt skema Ewropea għall-fondi.
Qal li l-entitajiet Maltin kienu pparteċipaw fl-ewwel sejħa u kisbu fondi  għall-proġett tal-junction tal-Marsa u żewġ proġetti dwar il-kontroll tat-traffiku tal-ajru.
Saħaq li jinsab kunfidenti li l-entitajiet Maltin mill-ġdid se jressqu proposti fis-sejħa attwali sabiex jiġu ffinanzjati studji marittimi kif ukoll isir investiment infrastrutturali.
Matul iż-żjara f’Malta, Simpson se jiltaqa’ mal-partijiet interessati f’dan il-qasam, iżur il-portijiet tal-Belt u Marsaxlokk u se jindirizza sessjoni ta' informazzjoni tal-MEUSAC.
Is-sejħa għall-proposti li kien ippubblikat aktar kmieni dan ix-xahar, bħalissa miftuħa għas-sottomissjoni tal-proposti sas-16 ta’ Frar 2016.
Aktar informazzjoni dwar din is-sejħa tinsab hawn.

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill