Uffiċjali tal-ħabs ilhom is-snin ma jingħataw it-tilqim

Il-Union Gwardjani tal-Ħabs ħeġġet lill-awtoritajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-union li hi affiljata mal-General Workers Union qalet li fil-ħabs hemm prattiċi li ilhom fis-seħħ għal dawn l-aħħar għoxrin sena u li jimminaw l-operat u l-kapaċità tal-uffiċjali.
Intqal li hemm bżonn li l-uffiċjali tal-ħabs ikunu protetti, anke billi jingħataw it-tilqim kontra l-mard, liema tilqim ilhom is-snin ma jingħataw.
Il-union qalet li hemm bżonn li l-awtoritajiet responsabbli jagħtu widen għat-talbiet tal-uffiċjali tal-ħabs u jkunu installati aktar kameras tas-sigurtà li jofru serħan il-moħħ kemm lill-priġunieri kif ukoll lill-istess uffiċjali.
Il-Union Gwardjani tal-Ħabs qalet li se tara li fiż-żmien li ġej ikun hemm titjieb fl-istrutturi u l-proċeduri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.