Uffiċjali tal-Gvern fiċ-Ċina jkissru Via Sagra

Ftit tal-jiem ilu uffiċjali tal-Gvern kissru diversi xbihat ta’ Kristu li kienu jiffurmaw Via Sagra li kien hemm fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-provinċja ta’ Henan, fiċ-Ċina fejn eluf ta’ pellegrini kienu jmorru kull sena proprju biex jimxu din il-Via Sagra.

Dan l-att seħħ ftit ġimgħat wara li l-awtoritajiet Ċiniżi qalu lill-Isqof Joseph Zhang Yinlin biex iżarma din il-Via Sagra, bla ma ta ebda raġuni għaliex kellu jsir dan. Il-Via Sagra tkissret matul il-lejl meta bulldozers u trakkijiet marru fil-post għax l-awtoritajiet beżgħu li matul il-jum kien ikun hemm ħafna membri tal-Knisja.

Sorijiet li hemm fis-Santwarju ħadu filmati u ritratti tal-ħsara li saret u poġġewhom fuq l-internet biex juru l-vandaliżmu li sar. Sorsi tal-Knisja lokali qalu li l-Partit Komunista Ċiniż kien qed jagħti eżempju b’dan is-santwarju għax isostni li l-Kattoliċiżmu jista’ jeżisti iżda ma jistax jiżviluppa.

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu hu l-uniku wieħed fil-provinċja ta’ Henan u kien inbena fi żmien l-Isqof Stefano Scarella li kien Vigarju Apostoliku ta’ Honan bejn l-1884 u l-1902. Kull sena fis-16 ta’ Lulju, is-Santwarju jorganizza ċelebrazzjoni li għaliha jattendu mijiet ta’ pellegrini mill-villaġġi tal-viċin. Fl-1987 il-Gvern kien ipprojbixxa pellegrinaġġi kbar u ordna li l-aktar li setgħu jattendu kienu 300 persuna biss. Minkejja li s-Santwarju għandu għeruq sodi f’din il-provinċja, wara dan il-vandaliżmu il-futur tiegħu hu wieħed inċert.

Il-ħsarat li saru fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu huma indikazzjoni tal-atti kontra l-libertà reliġjuża fiċ-Ċina. Riċentement knisja tal-Protestanti fl-istess provinċja ġiet żarmata filwaqt li fi Frar bliet f’Henan kienu avżati li ma setgħux jimpustaw fuljetti reliġjużi b’mod pubbliku.

Fl-istess provinċja, uffiċjali tal-Gvern neħħew slaleb mill-knejjes. Hu kkalkulat li f’din il-provinċja hemm l-akbar komunità nisranija fiċ-Ċina li tilħaq it-2.4 miljuni.  Il-kindergartens tal-Knisja sfaw magħluqa bla avviż u qabar ta’ Isqof kien desakrat ukoll.