Filmat: Uffiċjali ta’ Identity Malta joħorġu ‘l barra biex ma jaqdux barranin

Aġġornat 08:24 PM

L-uffiċjali ta’ Identity Malta, fil-binja li tinsab fi Triq il-Wied, ħarġu ‘l barra dalgħodu sabiex ma jaqdux lill-barranin li jmorru hemm sabiex iġibu l-permessi ta’ residenza u għax-xogħol.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi qrib Identity Malta li spjegaw li dan qed isir għax huma qed jibżgħu mit-tixrid tal-coronavirus.

Intant, jidher li nġema’ kju twil ta’ persuni li marru hemm sabiex jinqdew.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li dawn il-ħaddiema se jkunu qed imorru fuq il-post uffiċjali tal-Union biex jaraw x’direttivi se jittieħdu.

Jidher ukoll li dan mhux l-unika uffiċċju ta’ Identity Malta fejn il-ħaddiema għamlu walk out.

Aqra l-aħħar aġġornament dwar il-coronavirus:
LIVE: L-aħħar żviluppi fuq il-coronavirus

Newsbook.com.mt tkellem mal-Kummissarju għar-Refuġjati Roberta Buhagiar li spjegat li Identity Malta ma taqax taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dan minkejja li diversi immigranti u refuġjati jfittxu s-servizzi ta’ Identity Malta għall-permessi tax-xogħol u residenza f’Malta.

Intant, Newsbook.com.mt pprova jagħmel telefonata fuq il-linja tal-Customer Care ta’ Identity Malta. Filwaqt li ħadd ma wieġeb it-telefonata għal kważi erba’ minuti, fl-aħħar tat-telefonata, xi ħadd min-naħa ta’ Identity Malta nstema’ fiżikament jaqta’ l-linja. Skont is-sit ta’ Identity Malta, il-linja tal-customer care tiftaħ fis-7.15am u tgħalaq fit-3.15pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Pesuna li tkelmet ma’ Newsbook.com.mt spjegat li hija waslet fis-6:30am u kien diġà hemm kju sħiħ quddiem Identity Malta. Hi qalet li għamlet sagħtejn tistenna u meta saqsiet jekk l-uffiċju kienx se jiftaħ, ikkonfermawlha li kollox kien se jkun bħas-soltu. Aktar tard semgħat li jista’ jkun li se jsir strajk, iżda kulħadd baqa’ fejn kien jistenna bit-tama li jiftaħ l-uffiċju. Qalet li din is-sitwazzjoni ma tagħmilx sens, jekk riedu jagħmlu strajk kellhom javżaw minn qabel.

Kollox lura għan-normal – Il-Gvern

Aktar tard, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha qal li s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat kellu laqgħat mal-maniġment u mal-unjin li waqthom, il-ħaddiema lmentaw fuq għadd ta’ punti b’rabta ma’ saħħa u sigurtà.

Il-Gvern qal li se jittieħdu xi miżuri, u kollox reġa’ lura għan-normal.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn

Filmat: Miguela Xuereb