Uffiċjali qed jheddu lil sidien ta’ siti tal-bini fix-Xagħra – PN

Uffiċjali tal-Gvern qed jheddu lil sidien ta’ siti tal-bini fix-Xagħra f’Għawdex skont il-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kunsilliera Kevin Cutajar u Anthony Attard il-PN qal li dawn l-uffiċjali heddew lil sidien ta’ siti ta’ bini fix-Xagħra, b’infurzar u multi f’każ li ma jagħmlux bankina proviżorja.

Skont il-PN, l-Uffiċċju Governattiv responsabbli minn siti fejn ikun qed isir bini (BRO) ressaq mingħajr konsultazzjoni ordni biex jiġu indirizzati każijiet fejn bankini jiġu ingumbrati waqt li jkun għaddej xogħol ta’ bini. “It-talba ta’ dan l-uffiċċju kienet sabiex f’każijiet simili, l-Kunsill ma joġġezzjona bl-ebda mod li ssir bankina proviżorja ‘l barra għal ġot-triq” stqarr il-PN.

“F’laqgħa li saret fis-16 ta’ Lulju, l-Kunsillieri kollha Xagħrin inklużi l-Kunsillieri tal-Partit Laburista, ma kienux qablu ma’ din it-talba ġenerali minħabba diversi fatturi fosthom l-perikli marbuta magħha u l-Kunsill kien staqsa għal gwida mill-Assoċazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li min-naħa tagħha kienet irrispondiet li għadha għaddejha bit-taħdidiet mal-awtoritajiet” qal il-PN.

Il-PN qal li uffiċjali Governattivi injoraw il-pożizzjoni tal-Kunsill. Fi kliem il-partit, il-Gvern Laburista ma jimpurtahx mill-Kunsilli Lokali. Żied jgħid li l-Kunsillieri eletti f’ismu saħansitra jaqblu miegħu billi jivvutaw favur trattament simili.

Il-PN spjega li fit-13 ta’ Awwissu l-maġġoranza tal-kunsilliera ivvutaw kontra mozzjoni mressqa minn Kevin Cutajar u Anthony Attard. Il-Kunsill għandu maġġoranza Laburista. Il-mozzjoni tal-Kunsillieri Nazzjonalisti kienet titlob biex il-Kunsill jikkundanna l-aġir tal-uffiċċjali tal-Gvern.