Uffiċjali mbiegħda minn familthom għax jagħmlu l-ispezzjonijiet tal-kwarantina

uffiċjali tas-saħħa ambjentali
MEHOA / Facebook

F’dan iż-żmien diffiċli li d-dinja għaddejja minn pandemija, apparti n-nies li qegħdin jikkumbattu l-virus, hemm dawk li qegħdin jaħdmu kontrih, li xogħolhom ma jiqafx, iżda jsir aktar imprezzabbli. Fost dawn insibu lit-tobba, l-infermiera, ix-xjentisti u l-ħaddiema tal-isptar, iżda mhux biss. L-ispezzjonijiet tal-kwarantina, apparti mill-pulizija u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, qegħdin isiru wkoll mill-uffiċjali tas-saħħa ambjentali, li rrakkuntaw ma’ Newsbook.com.mt kif ix-xogħol qed jaffettwalhom ħajjithom.

Wieħed mill-uffiċjali rrakkonta l-esperjenza tiegħu u ta’ sħabu, partikolarment kif ħafna minnhom kellhom isibu post ieħor fejn joqogħdu sabiex jevitaw il-periklu li jgħaddu xi mikrobu lil qrabathom.

Uffiċjal minnhom jibki ta’ kuljum peress li mhuwiex jara lil bintu minħabba dan. Il-ġenituri tas-sieħba tiegħu għandhom mard kroniku, u għalhekk, irid jevita kemm jista’ jkun ir-riskju tat-tixrid tal-mikrobi.

A total of 1157 inspections were carried out by Environmental Health Officers together with Malta Police Officers and…

Posted by Malta Environmental Health Officers Association on Thursday, March 19, 2020

Sal-bieraħ kienu saru total ta’ 1,157 spezzjoni fuq dawk li qegħdin fi kwarantina mandatorja. Ingħataw 11-il multa lil dawk li nqabdu jiksru din l-ordni, fosthom multa ta’ €9,000 li kiser il-kwarantina ħames darbiet.

L-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali tal-Ambjent tas-Saħħa qalet li lbieraħ ġew spezzjonati 31 lukanda u 85 stabbiliment bħal ristoranti u bars sabiex jaraw li dawn jinżammu magħluqin wara miżura li ħa l-Gvern dil-ġimgħa biex jiġi evitat it-tixrid tal-coronavirus.

“Aħna umani wkoll, u nibżgħu ħafna drabi, imma l-biża’ u l-kumplikazzjonijiet ma jistgħux iwaqqfuna. Nagħmlu dan ix-xogħol għax devoti lejn il-professjoni, lejn il-pajjiż, u lejn il-pubbliku,” stqarr l-uffiċjal.