Uffiċjali fiċ-ċivil jgħidu li huma politikament diskriminati

Sitt eks ħaddiema taċ-ċivil ressqu protest ġudizzjarju fejn stqarrew li kienu politikament diskriminati wara li l-assenjazzjoni tal-impjieg tagħhom fil-Kunsill Malti għall-iSport l-KMS ġiet irtirata. Huma qalu li din kienet deċiżjoni politika u vendikattiva.

Il-protest ġudizzjarju ġie preżentat kontra l-Ministru tal-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-iSport Stefan Buontempo, is-Segretarju Permanenti James Calleja u ċ-Ċermen tal-KMS Jonathan Barbara.

Is-sitt ħaddiema stqarrew li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kienu assenjati l-impjieg mal-KMS skont struzzjonijiet mid-Direttur dwar ir-riżorsi fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Immedjatament wara l-bidla fil-Gvern, il-ħaddiema stqarrew li kien hemm kampanja kontrihom fuq il-mezzi tax-xandir b’diversi mistoqsijiet dwarhom f’seduti tal-Parlament min-naħa tal-Gvern.

Il-ġimgħa l-oħra, il-ħaddiema rċevew notifika li l-assenjazzjoni tagħhom ser tiġi fi tmiema b’effett immedjat mingħajr ebda raġuni mogħtija. Huma kienu infurmati li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ.