Uffiċjal viċin Evarist Bartolo akkużat b’tixħim u ffalsifikar ta’ dokumenti

Il-Pulizija qed takkuża b’tixħim lil eksuffiċjal tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, li huwa wkoll ekskanvażer tal-Ministru Evarist Bartolo.
Huwa qed ikun akkużat li ġie mxaħħam bħala uffiċjal pubbliku u anke li abbuża mill-awtorità tiegħu u ffalsifika dokumenti.
L-akkużat mistenni jitressaq il-Qorti b’taħrika u mhux taħt arrest.
L-akkużi jmorru lura għas-sena li għaddiet meta l-akkużat allegatament irċieva flus mingħand kuntratturi biex iħaffef il-proċess, sabiex l-istess kuntratturi jirċievu ħlas li kellha tagħtihom il-Fondazzjoni.
Wieħed mill-kuntratturi qal li l-akkużat talab €30,000 biex ikun jista’ jitħallas iżjed malajr għal xogħol li kien għamel fis-sixth form tar-Rabat Għawdex.
F’Diċembru li għadda, Philip Rizzo li kien imexxi l-Fondazzjoni, irriżenja mill-kariga tiegħu għax fi kliemu l-Ministru Bartolo ma kienx ħa azzjoni meta hu kien ġibidlu attenzjoni dwar tixħim li rċieva l-akkużat. 
Evarist Bartolo dejjem ċaħad dawn l-akkużi.
Intant, din il-ġimgħa tħabbar li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħatret lil Mario Gafa fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv.
Michael Sant inħatar bħala ċ-Ċerpersin il-ġdid wara li l-eksċerpersin talab li ma jerġax ikun magħżul wara li skadielu t-terminu tiegħu.-