Uffiċjal tal-Vatikan jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra n-nisa

L-Arċisqof Ivan Jurkovic, ir-Rappreżentant Permanenti tal-Vatikan għall-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra, qal lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani li n-nisa jipprovdu “valur imprezzabbli fil-politika, l-ekonomija u l-ħajja soċjali” u enfasizza l-bżonn li tkun eliminata kull forma ta’ razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, xenofobija u kull tip ta’ intolleranza lejn in-nisa.
Il-bżonn li nirrikonoxxu li n-nisa jiswew daqs l-irġiel u nħalluhom jeżerċitaw id-drittijiet umani tagħhom b’mod sħiħ qed isir aktar urġenti minħabba li fid-dinja tal-lum qed naraw terġa' tikber id-diviżjoni, qal id-diplomatiku tal-Vatikan.
“L-esperjenzi ta’ kuljum qed juruna l-frammentazzjoni dejjem tikber tar-relazzjonijiet soċjali fis-soċjetajiet multikulturali tagħna permezz ta’ kliem u atti ta’ razziżmu u xenofobija, diskriminazzjoni soċjali u razzjali u esplojtazzjoni politika tad-differenza bejn is-sessi”, sostna Mons Jurkovic.
Meta kien qed jitkellem dwar l-impatt tad-diskriminazzjoni soċjali u l-intolleranza fuq id-drittijiet umani tal-mara, l-Arċisqof spjega li n-nisa “spiss huma sottovalutati” u “vulnerabbli għad-diskriminazzjoni” mhux biss meta jiffurmaw parti minn minoranza etnika, reliġjuża jew lingwistika, imma anke sempliċement għax huma nisa.
Huwa qal li mhux biżżejjed li nirrikonoxxu d-dinjità ugwali u d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna. Il-liġijiet iridu jkunu magħġuna mal-edukazzjoni – kemm fl-iskejjel kif ukoll fid-djar – biex inrawmu mħuħ u niffurmaw kuxjenzi li jagħrfu d-differenza bejn is-sessi bħala valur u jbarru kull forma ta’ razziżmu.
Hu appella lill-aġenziji tal-gvernijiet, il-midja u oħrajn biex jevitaw milli jisterjotipaw il-minoranzi, anzi dawn għandhom jingħaqdu mal-bqija tas-soċjetà favur id-dinjità umana.
“Biex nirbħu l-preġudizzju, hu essenzjali li jkollna solidarjetà vera fuq livell soċjali, nazzjonali u internazzjonali bbażata fuq ir-rikonoxximent li kulħadd, umanament, għandu s-siwi tiegħu”, sostna l-Arċisqof Jurkovic.