Uffiċjal tal-PL akkużat li żamm dokumenti tal-votazzjoni ta’ ħaddieħor

Il-persuna li ssoltu tkun il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista, Joseph Falzon jinsab akkużat li kien qed iżomm dokumenti tal-votazzjoni li ma kienux tiegħu.
Intant, il-membri tal-korp tal-pulizija Roberto Magro u Daniel Busuttil ġew mixlija wkoll li taw dokumenti tal-voti ta’ xi ħaddiehor lil persuni oħra.  
L-ispettur tal-pulizija Tony Cachia speja kif beda jinvestiga ittra miktuba minn resident f’Tas Sliema Benedict Grech.
Fl-ittra, Benedict Grech spjega kif meta mar biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu qalulu li diġà kien inġabar.
Spjega wkoll li l-firma ma’ ġenb ismu ma kinitx tiegħu.
Wara ftit, Grech rċieva telefonata mingħand Joseph Falzon, li dak iż-żmien kien il-kap tal-kummissjoni elettorali tal-Partit Laburista u qallu biex jiltaqa’ miegħu l-Gżira u jiġbor id-dokument tal-vot.
Kien hawnhekk li Grech ma setax jifhem kif Joseph Falzon kellu fil-pussess tiegħu d-dokumenti tal-vot ta’ persuni oħra u għalhekk kiteb l-ittra lil Kummissjoni Elettorali.
Iktar kmieni illum, it-tliet irġiel wieġbu li mhumiex ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom fil-Qorti.