​Uffiċjal tal-Immigrazzjoni akkużata b’timbrar falz tal-passaporti

Għawwiem mitluf Baħar iċ-Ċagħaq ħelikopter tfittxija pulizija

Skont il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, uffiċjal tal-immigrazzjoni nstabet li kienet qed tittimbra passaporti ta’ persuni barranin biex il-passaport tagħhom juri li jkunu ħarġu minn Malta meta fil-verità jkunu baqgħu fil-pajjiż.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li wara ġimgħat ta’ investigazzjoni, “il-Pulizija ta’ Malta kellha suspett illi passaporti ta’ persuni li kienu f’Malta għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi, kellhom il-passaport tagħhom ittimbrat b’tali mod li juri li l-istess persuni ħarġu minn Malta meta fil-verità dawn ma kienux ħarġu.”
Skont il-Ministeru, uffiċjal tal-immigrazzjoni kienet il-persuna li kienet qed tittimbra dawn il-passaporti. Il-Ministeru qal li persuna mill-Maċedonja kienet qed tgħaddi dawn il-passaporti ta’ diversi persuni barranin lill-uffiċjal.
Fl-istqarrija, il-Ministeru ħabbar li “l-persuna msemmija telgħet il-Qorti u ġiet sospiża mill-impjieg, filwaqt li l-persuna barranija li kellha kuntatt magħha ttellgħet il-Qorti wkoll.”
Il-Ministeru fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu surġent inqabad allegatament jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia sostna li “se jkompli l-ħidma kontra persuni li b’xi mod jew ieħor qed jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom għal gwadann personali.