Uffiċjal tal-Gvern jitressaq il-Qorti; €500,000 fi flus kontanti fid-dar tiegħu

Aġġornat 08:18 AM

Il-Kap taċ-Ċivil jgħid li mhux involut fl-investigazzjoni

Read in English.

Uffiċjal tal-Gvern li serva fil-Konsulat Malti f’Shangai ġie mressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mal-ħasil tal-flus.

Aldo Cutajar ta’ 55 sena li huwa ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, tressaq il-Qorti flimkien ma’ martu wara li l-Pulizija sabu €500,000 fi flus kontanti waqt rejd li sar fid-dar tagħhom fin-Naxxar.

Il-Pulizija qalu li hemm bejn $300,000 u $400,000 f’kont f’Dubaj taħt ismu.

Il-koppja qed tiġi akkużata b’ħasil tal-flus filwaqt li Cutajar qed jiġi akkużat ukoll b’reat li bħala uffiċjal pubbliku kien fid-dmir li jipprevjeni li ma jsirx.

Fl-2018, Cutajar sar is-suċċessur ta’ Sai Mizzi, il-mara tal-eks Ministru Konrad Mizzi.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli ħarġet mandat biex jiġu ffriżati l-assi inkluż il-propjetà li Cutajar xtara fl-aħħar snin, diversi arloġġi Rolex u fliexken tal-whiskey.

L-avukat Roberta Bonello dehret għall-akkużati. Hija talbet biex il-klijenti tagħha jingħataw il-ħelsien mill-arrest iżda l-Maġistrat Demicole ċaħdet din it-talba.

L-ispettur Lianne Bonello qed tmexxi l-Prosekuzzjoni.

L-Oppożizzjoni titlob inkjesta pubblika

L-Oppożizzjoni talbet li ssir Inkjesta Pubblika dwar kif Aldo Cutajar iddaħħal jaħdem mal-Gvern bi ksur ta’ sentenza tal-Qorti. Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li Cutajar kien diġà misjub ħati, bħala impjegat pubbliku, ta’ frodi fl-2005 u kien imkeċċi mis-Servizz Pubbliku wara li l-Qorti ordnat li jiġi interdett għal dejjem. Fisser li l-Interidizzjoni perpetwa ordnata mill-Qorti suppost fissret li din il-persuna ma tista’ tkun qatt iktar impjegat fis-Servizz Pubbliku.

Azzopardi għalhekk staqsa kif wara li Mario Cutajar sar il-Kap taċ-Ċivili f’Marzu 2013, din il-persuna, li huwa ħuh, reġgħet ġiet impjegata mal-Gvern, ħaġa li skont l-Oppożizzjoni ma setgħet qatt saret skont il-liġi.

Talba simili saret min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili li fi stqarrija talbet li ssir inkjesta pubblika, indipendenti u mmexxija minn imħallfin irtirati. In-Netwerk appella wkoll biex Mario Cutajar u Carmelo Abela, li kien il-Ministru risponsabbli għal Aldo Cutajar, jieħdu pass lura minn jeddhom jew jiġu sospiżi sakemm l-inkjesta ssibhom innoċenti.

Repubblika titlob għar-riżenja ta’ Mario Cutajar

L-għaqda Repubblika appellat għar-riżenja ta’ Mario Cutajar minn Segretarju Permanenti Ewlieni. Fi stqarrija, Repubblika qalet li bħala l-kap tal-istituzzjoni li ppermettiet li dan jiġri jwassalhom biex jgħidu li dan huwa “falliment istituzzjonali serju li Mario Cutajar hu responsabbli għalih”. 

Repubblika fakkret li Malta qed tirriskja li titpoġġa fuq il-lista l-griża mill-Moneyval fix-xhur li ġejjin. Sostniet li dan ikun ifisser telf ta’ impjiegi għal ħafna ċittadini onesti.

Il-Kap taċ-Ċivil jgħid li mhux involut fl-investigazzjoni

Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni f’isem il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar huwa qal li mhux involut fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar ħuh. Huwa stqarr li m’għandu l-ebda rabta jew l-iċken idea fuq l-operat tiegħu.

Qal ukoll li bħala Kap taċ-Ċivil, ta struzzjonijiet biex b’mod immedjat jiskattaw il-proċeduri għall-passi dixxiplinari meħtieġa hekk kif stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Fl-istqarrija huwa jgħid li kemm fil-ħajja privata kif ukoll fl-irwol professjonali dejjem aġixxa b’mod indipendenti. Qal ukoll li ma kellu xejn x’jaqsam meta Aldo Cutajar ngħata l-kariga f’Beijing u aktar ‘il quddiem f’Shanghai, fiċ-Ċina.

Huwa qal li meta sar jaf li ħuh ġie arrestat huwa kiteb uffiċjalment lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn offra l-aċċess kollu għall-informazzjoni.