Uffiċjal tal-CABS mhux ħatja li daħlet f’art privata

L-uffiċjal tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS), Fiona Burrows, inħelset mill-akkużi kollha miġjuba kontriha wara li nassab kien akkużaha li daħlet fl-art privata tiegħu.
Il-każ imur lura għal Novembru li għadda meta Burrows intalbet mill-Pulizija tan-Naxxar biex tgħinhom f’każ ta’ insib illegali.
Fil-Qorti nstema’ kif in-nassab, li l-każ tiegħu għadu pendenti, kien jaf li Burrows, li sservi bħala Wildlife Crime Officer tal-CABS, kienet qed tassisti lill-Pulizija iżda xorta pprova jintimidaha billi jirrapurtaha.
Fi stqarrija CABS qalet li dan hu każ wieħed biss minn ħafna li fihom l-FKNK u l-membri tagħha jaħlu r-riżorsi tal-Pulizija u l-Qorti billi jirrapurtaw każijiet foloz biex jippruvaw jitfgħu dell ikrah fuq volontiera li jkunu qed josservaw l-għasafar.
Fakkret li l-Qorti diġà kienet waqqgħet każijiet oħra rrapurtati mill-FKNK, fosthom dwar l-allegazzjonijiet li voluntiera tal-CABS kienu qed jinterċettaw il-mowbajls tal-kaċċaturi u nassaba.

Ritratt: Ian Noel Pace