​”Uffiċjal ta’ TM ma jsibx parking u jheddidni li se jirmunkani”

Raġel kellu esperjenza qarsa fir-Rabat Għawdex hekk kif wara li pparkja, uffiċjal liebes l-uniformi ta’ Transport Malta beda jheddu biex iċedilu postu.
Ma' Newsbook.com.mt, Frankie Buttiġieġ irrakkonta kif nhar it-Tlieta, kollox beda meta Frankie pparkja f’parkeġġ pubbliku u ħareġ mill-karozza tiegħu. Qal li uffiċjal ta’ Transport Malta saq sa ħdejh bil-vettura privata tiegħu u ordnalu joħroġ il-karozza dak il-ħin stess ħalli jipparkja minfloku, inkella kien se jiġi rmunkat.
L-uffiċjal żied jgħidlu li kien ilu siegħa jfittex kaxxa.
“Suq issa jew nittowjak” – L-uffiċjal
Frankie Buttigieg imbagħad ġibed l-attenzjoni tal-uffiċjal li hu kien saq kontra s-sinjali tat-traffiku biex wasal fejn kien. Buttigieg allega li f’dak il-mument spiċċa l-vittma ta’ għajjat sfrenat u aktar theddid mill-istess uffiċjal ta’ Transport Malta. “Ċerti kliem li qalli lanqas se ngħidhom” stqarr Buttigieg.
“Suq issa jew nittowjak” qallu l-uffiċjal filwaqt li ħareġ ktieb biex jikteb in-numru tal-karozza ta’ Buttigieg. Buttigieg iddeskriva dan bħala “abbuż  ta’ poter”.
Frankie Buttigieg sostna li għamel rapport kemm mal-Pulizija kif ukoll ma’ Transport Malta. Qal li għalkemm fuq il-post intbagħtu żewġ uffiċjali tal-Pulizija, l-uffiċjal ta' TM laħaq telaq.

“Insibu pparkjat ħażin sagħtejn wara”
Sagħtejn wara, waqt li kien sejjer lura lejn il-karozza tiegħu (li ma ġietx irmunkata minkejja t-theddid) Buttigieg allegatament lemaħ il-vettura privata tal-istess uffiċjal ipparkjata f’żona tal-loading/unloading quddiem skola. Buttigieg saħaq li b’konsegwenza tal-aġir tal-uffiċjal, il-vannijiet tal-iskola kellhom jieqfu f’nofs tat-triq biex jitilgħu l-istudenti.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Transport Malta dwar x’azzjoni se tittieħed kontra l-uffiċjal imsemmi, kif ukoll lit-Taqsima tal-Midja tal-Pulizija.