Uffiċjal li kaxkar passiġġier minn fuq ajruplan jiftaħ kawża lil-linja tal-ajru

L-uffiċjal tas-sigurtà tal-ajru li kien tkeċċa wara li kaxkar raġel minn fuq titjira tal-United Airlines biex jagħmel spazju għall-ħaddiema tal-linja tal-ajru, għadu kemm fetaħ kawża kontra l-linja tal-ajru u l-belt ta’ Chicago.
James Long kien tilef xogħlu wara li filmat tiegħu ikaxkar raġel ta’ 69 sena farrak ir-reputazzjoni tal-United Airlines. Dan wara li Long deher iweġġa’ fiżikament lit-tabib li beda jitlob biex ma jitteħidlux is-siġġu tiegħu fuq it-titjira għax kellu bżonn jasal lura f’Kentucky minħabba li kellu għadd ta’ pazjenti jistennewh.
Madanakollu, r-raġel qed jgħid li dan ġara minħabba li qatt ma kien ingħata l-opportunità jitgħallem kif juża s-saħħa u l-poter tiegħu f’każijiet bħal dawn.
L-att li seħħ fid-9 t’April tal-2017, kien wassal għal numru ta’ demostrazzjonijiet fl-ajruport internazzjonali ta’ Chicago.
Il-vittma tal-każ kien tilef snienu ta’ quddiem, kiser imnieħru u sofra minn konkussjoni sinjifikanti. Aktar tard, hu kien ħa somma flus mill-United Airlines u apoloġija pubblika dwar dak li ġara.