“Uffiċjal għoli ħafna tal-pulizija qed jipprova jagħmilli rikatt” – Karol Aquilina

Read in English.

Il-MP tal-PN Karol Aquilina qal li l-allegazzjonijiet kontrih minn preżentatur ta’ One TV saru għax “uffiċjal għoli ħafna tal-pulizija” qed jipprova jagħmillu rikatt. Aquilina qal li dan qed isir għax hu qed jaħdem kontra dik li iddeskriva bħala l-korruzzjoni ta’ Keith Schembri, Joseph Muscat u Konrad Mizzi li huma ħbieb tal-uffiċċjal tal-pulizija.

Huwa qal dan fi stqarrija fejn ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li għamel fil-konfront tiegħu l-preżentatur ta’ ONE TV Karl Stagno Navarra.

Skont Karl Stagno Navarra l-filmat li huwa wera waqt il-programm tiegħu fuq One TV juri lil Aquilina “’jinki’ b’mod perikoluż lill-pulizija” li kienu skorta ma’ karozzi ta’ delegazzjoni. Skont Stagno Navarra, Aquilina għadda minn fuq dawl li kien aħmar u li kważi tajjar pulizija minn fuq mutur.

Filmat antik kważi sena

Newsbook.com.mt huwa infurmat illi l-filmat li wera Stagno Navarra huwa dwar ‘inċident’ li seħħ fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju 2019. Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li l-karrozzi kollha kienu vojta ħlief għax-xufiera. Dawn il-karrozzi kienu sejrin lejn lukanda fil-Furjana biex jiġbru d-delegazzjoni ta’ uffiċċjali tal-Gvern Ċiniż.

Il-filmat ilu għand il-pulizija minn dak iż-żmien peress li kienu ġabruh mid-dashboard camera ta’ waħda mill-karrozzi. L-istess sorsi żiedu jgħidu li kieku Aquilina għamel xi ħaġa mhux flokha l-pulizija kellhom sena biex imexxu kontrih.

Iċ-ċaħdiet ta’ Aquilina

Aquilina ċaħad l-allegazzjonijiet li għamel Stagno Navarra fosthom li huwa ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija jew li kiser xi regolament tat-traffiku.

Aquilina qal li fil-filmat jidhru żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta jagħmlu sinjal lis-sewwieqa kollha biex il-vetturi jibqgħu għaddejjin meta kien hemm id-dawl l-aħmar u li dan iseħħ regolarment filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax

Huwa ċaħad li b’xi mod ipperikola ħajjet pulizija u sostna li l-filmat li ntwera fuq One TV juri b’mod ċar li huwa saq skont il-liġi u xegħel l-indicator kull meta qaleb il-karreġġjata.

Aquilina, li diġa talab li jiltaqa’ mill-Kummissarju għall-Istandards, ċaħad ukoll li f’xi ħin invoka xi privileġġ parlamentari favur tiegħu.

Gideb jew scoop?

Fi stqarrija separata l-Partit Nazzjonalista kkundanna dak li iddeskriva bħala “l-gideb u l-qerq ta’ Karl Stagno Navarra” dwar Karol Aquilina.”

Mill-banda l-oħra f’filmat fuq Facebook Stagno Navarro qal li jistenna li l-Istitut tal-Ġurnalisti jiddefendih talli żvela “scoop ġurnalistiku.”

“Jiena mostru li ħoloq il-Partit Nazzjonalista u ġej għalikom,” qal Stagno Navarro.