Uffiċini ġodda għall-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika

Aktar kmieni llum infetħu il-bibien tal-uffiċini l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika f’Santa Venera.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ugwaljanza spjega li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika se sservi ta’ ċentru fejn tingħaqad il-ħidma tal-għaqdiet kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. L-uffiċċji se jinkludu wkoll faċilità għar-riċerka biex tinġabar statistika aħjar minn diversi entitajiet.
Waqt il-ftuħ tal-uffiċċji l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika f’Santa Venera, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li “il-vjolenza hija  pjaga fis-soċjetà”. Żiedet tgħid li filwaqt li l-liġi u l-istrateġija huma importanti, wieħed iridu jisma’ lill-vittmi u jara li jkunu protetti anke fix-shelters.
Helena Dalli sostniet li “irridu nitfgħu l-lenti kontinwament dwar il-gravità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u mhux biss meta nisimgħu b’fatalità.”
Iċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza  Domestika Joe Gerada esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li bil-liġi l-ġdida l-Kummissjoni se tingħata iktar riżorsi u awtonomija biex issaħħaħ il-ħidma tagħha.
Ritratti: DOI – Reuben Piscopo