Uffiċjali tal-Pulizija sospiżi minn April

Uffiċjal tal-Pulizija f’Għawdex ilu sospiż mis-7 t’April li għadda wara investigazzjoni interna.
Il-każ jitratta inċident tat-traffiku li fih kien involut uffiċċjal tal-Korp u żewġ rapporti tal-Pulizija li saru dwar dan – ir-rapport oriġinali u t-tieni rapport, li jirreferi għar-rapport oriġinali, iżda b’iktar dettalji tal-istess inċident.
Il-Ministru Manuel Mallia, fil-Parlament, qal dan waqt li kien qed iwieġeb numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Qal li kuntrarju għal dak li ntqal f’xi sezzjonijiet tal-istampa iktar kmieni din is-sena, il-każ qatt ma tratta bdil ta’ rapport tal-Pulizija.
Qal li dwar dan infetħet investigazzjoni interna. Il-fatt li wieħed minn żewġ uffiċċjali tal-Pulizija investigati kellu diġà każijiet pendenti quddiem il-Qorti, wassal għas-sospensjoni tiegħu.
B’riferenza għal żewġ rapporti ta’ inċidenti oħra li fihom kienu nvoluti żewġ uffiċċjali tal-Pulizija, Manuel Mallia qal li ż-żewġ każijiet ġew investigati mill-Pulizija tad-distrett t’Għawdex.
Iż-żewġ uffiċjali ġew trasferiti għad-distrett tal-Belt Valletta fit-2 t’April, imma filwaqt li uffiċċjal minnhom ġie sospiż ħamest ijiem wara, it-tieni uffiċċjal intbagħat lura Għawdex minħabba li nstab li l-każ kontrih kien infondat.