UEFA Super Cup : Bayern jegħlbu lil Chelsea bil-penalties

Fil-UEFA Super Cup tal-bieraħ, il-maniġer il-ġdid ta’ Bayern Guardiola għeleb lil dak ta’ Chelsea Mourinho.  

Iċ-Ċampjins tal-Ewropa Bayern Munich rebħu UEFA Super Cup, meta għelbu lil Chelsea 7-6 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita kellha tmur għal ħin barrani u ntemmet 2-2.

Il-logħba ntlagħbet fl-istadjum Edem, fi Praga. Chelsea kellhom jilgħabu b’10 plejers mil-85 minuta ‘l quddiem. Ramires tac-Chelsea tkeċċa wara li ntwera t-tieni karta safra.

Chelsea marru fil-vantaġġ wara tmien minuti b’gowl surjat minn Torres.   Bayern għamlu l-iskor indaqs fl-47 minuta permezz ta’ Ribery.  Fil-ħin barrani, Hazard għal Chelsea għamilhom 2-1, biex Bayern ġabu d-dro permezz ta’ Martinez fl-aħħar minuta.

Għal Chelsea kien Lukaku li għamel l-iżball fatali tal-penalty.  Sena ilu fil-finali taċ-Ċampjins Lig, Bayern Munich kienu tilfu kontra l-istess Chelsea bl-għoti tal-penalties. Sadanittant, sena ilu fil-UEFA Super Cup Chelsea tilfu kontra Atletico Madrid.

Din ir-rebħa ta’ Guardiola  ċaħdet lil Mourinho l-ewwel UEFA Super Cup u l-ewwel trofew fit-tieni tmexxija tiegħu fi Stamford Bridge.