UEFA Champions League: Telfa sorpriża għal Real Madrid

Kontra kull mistenni, l-ġganti ta' Real Madrid sofrew telfa ta' 2-0 barra minn darhom kontra Wolfsburg fl-ewwel leg tal-Kwarti tal-Finali tal-UEFA Champions League.
Għalkemm fil-Bernabéu jaf tkun storja oħra jekk Real iqumu għall-okkażjoni f'darhom fit-tieni leg, il-Madrileni jistgħu iqisu ruħhom fortunati li ma sofrewx telfa ikbar meta Shürrle tilef ċans li jagħmilhom 3-0, kwarta mit-tmiem.
Wara 18-il minuta Rodriguez tefa' lil Wolfsburg fil-vantaġġ minn penalty u seba' minuti biss wara, Maximilian Arnold għamilhom 2-0.
Spettaklu wkoll fil-partita l-oħra li spiċċat fi drò ta' 2-2 bejn Paris Saint Germain u Manchester City.
Paris Saint Germain pattew qares għal penalty li falla Zlatan Ibrahimović wara kwarta logħob għax sabu ruħhom 1-0 minn taħt b'gowl ta' De Bruyne fit-38 minuta.
Iżda Ibrahimović patta għall-iżball tiegħu u ġab id-drò immedjat wara tliet minuti.
Fit-tieni taqsima, PSG momentanjament dawwru r-riżultat permezz ta' Rabiot mas-siegħa logħob iżda Manchester City baqgħu jgħafsu u ġabu d-drò minn Fernandinho fit-72 minuta.
Riżultat li jiffavorixxi lis-Citizens li jmorru f'darhom komdi biż-żewġ gowls skurjati away.

Ritratt: UEFA.com