UEFA Champions League: Salzburg b’saħħithom wisq għal Hibernians

UEFA Champions League
It-Tieni Rawnd Preliminari – l-Ewwel Leg
Hibernians 0
Red Bull Salzburg 3

Hibernians komplew l-impenji tagħhom fil-UEFA Champions League fl-ewwel leg tat-tieni rawnd preliminari, wara li fl-ewwel rawnd eliminaw lil FCI Tallinn tal-Estonja.
Din id-darba l-avversarji, Red Bull Salzburg kienu ferm iżjed b'saħħithom minn ta' qabilhom, tant li Hibernians sofrew telfa netta ta' 3-0 f'Kordin.
Riżultat li jara ċ-ċansijiet ta' Hibs li jiksbu kwalifikazzjoni storika għat-tielet rawnd jgħibu għal kollox.
Hibernians irnexxielhom irażżnu l-furja inizjali ta' Salzburg għal nofsiegħa sħiħa, iżda kollox kien jindika li l-Awstrijaċi kienu superjuri, tant li Hibs kienu kostretti jingħalqu fuq wara għal ħinijiet twal.
Red Bull Salzburg fetħu l-iskor wara 32 minuta logħob minn penalty ta' Valon Berisha u tliet minuti wara tista' tgħid għalqu l-logħba bit-tieni gowl skurjat minn Hee-Chan Hwang.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima waslet l-aħjar azzjoni ta' Hibs, meta minn kontrattak fuq ix-xellug tal-Awstrijak Martin Kreuzriegler, kien Jorginho li rċieva tajjeb u b'xutt bid-dawra tefa' għoli.
Fit-tieni tqasima, wara biss disa' minuti, Salburg żiedu t-tielet gowl, meta Munas Dabbur tefa fix-xibka wara save parzjali ta' Andrew Hogg.
Lejn it-tmiem, is-sostituti Joseph Mbong u Jurgen Degabriele resqu viċin li jnaqqsu d-distakk għal Hiberninas, u ftit qabel Salzburg spiċċaw jilagħbu b'10 wara li Valon Berisha ntwera l-karta l-ħamra diretta għal daħla kerha fuq Rodolfo Soares.
It-tieni leg jintlgħab il-ġimgħa d-dieħla f'Salzburg, eżattament nhar l-Erbgħa 19 ta' Lulju.

Ritratt: Domenic Aquilina