UEFA Champions League: Juventus jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss

Juventus qatgħu passaġġ għar-rawnd li jmiss tal-UEFA Champions League grazzi għal gowl uniku skurjat fit-18-il minuta minn Mario Mandžukic kontra Manchester City.
F'partita li ma tantx offriet spettaklu, iċ-champions Taljani kienu xi ftit aħjar mill-avversarji tul id-90 minuta sħaħ u għajr għal ċansijiet iżolati mis-City, Juventus kienu dejjem qrib li minn ħin għal ieħor jerġgħu jiskorjaw.
Madankollu r-riżultat finali ta' 1-0 kien biż-żejjed biex Juventus jikkwalifikaw u jitilgħu f'ras il-klassifika ta' Grupp D.
Borussia Mönchengladbach komplew bis-serje ta' riżultati pożittivi meta llejla għelbu lil Sevilla bl-iskor ta' 4-2 biex issa l-Ġermaniżi jinsabu qrib li jagħmluha għall-Ewropa League.
Fi Grupp A, Real Madrid u Paris Saint Germain komplew għaddejjin b'riżultati mill-aqwa, u ma kinitx sorpriża li t-tnejn li huma rebħu l-konfronti tagħhom.
Real rebħu barra minn darhom 4-3 kontra Shaktar Donetsk waqt li Paris Saint Germain taw tidwira ta' 5-0 lil Malmö fl-Isvezja.
Sitwazzjoni inċerta għall-aħħar fi Grupp B fejn s'issa ħadd għadu mhu ċert mill-kwalifikazzjoni. Drò ta' 0-0 bejn Manchester United u PSV Eindhoven u rebħa ta' 2-0 għal Wolfsburg fuq CSKA Moscow.
B'kuntrast, kollox deċiż fi Grupp C; jikkwalifikaw Atletico Madrid li rebħu 2-0 fuq Galatasaray u Benfica minkejja d-drò ta' 2-2 ma' Astana. Jonqos biss ikun deċiż min miż-żewġ timijiet kwalifikati se jirbaħ il-grupp. Inkunu nafu ġimgħatejn oħra meta Benfika jospitaw lil Atletico Madrid.

Ritratt: UEFA.com