UEFA Champions League: Juventus jeliminaw lil Barċellona…jgħaddu wkoll Monaco

Juventus eliminaw lil Barċellona mill-UEFA Champions League biex għamluha għas-Semi Finali flimkien ma' Monaco li għaddew għas-spejjeż ta' Borussia Dortmund.
B'hekk jingħalaq il-kapitlu tal-Kwarti Finali b'Juventus u Monaco jingħaqdu ma' Atlético u Real Madrid fl-urna ta' Nyon li se tiddetermina kif se jkunu ffurmati ż-żewġ konfronti fil-fażi li jmiss.
Barċellona 0
Juventus 0

Komdi b'vantaġġ ta' 3-0 mill-ewwel leg, Juventus riedu biss jikkontrollaw il-furja ta' Messi, Suarez u Neymar – u dak huwa proprju li għamlu għal 90 minuta sħaħ.
Sa mill-bidu nett, Barċellona ppruvaw joħolqu pressjoni fuq l-attakk f'tentattiv li jsibu l-gowl kmieni fil-partita, iżda d-difiża ta' Juventus uriet mill-ewwel li ma kienx bi ħsiebha ċċedi malajr.
F'partita għal darb'oħra tattikament perfetta għal Juventus, huma kienu kapaċi jagħlqu l-ispazji fuq wara u joperaw tajjeb b'ħarbiet veloċi, li minn ħin għal ħin żviluppaw ukoll f'azzjonijiet perikolużi għad-difiża avversarja.
L-unika nota negattiva f'serata kważi maġika għall-bianconeri, hija l-ammonizzjoni ta' Sami Khedira li se jkollu jitlef l-ewwel leg tas-Semi Finali.
Skor finali; dro ta' 0-0 fin-Nou Camp u aggregate ta' 3-0 għal Juventus grazzi għar-rebħa tal-ġimgħa l-oħra fil-Juventus Stadium.
Monaco 3
Borussia Dortmund 1

Intant Monaco għamluha għall-fażi li jmiss grazzi għal rebħa oħra komda fuq Borussia Dortmund bl-iskor ta' 3-1. Wara li fl-ewwel leg, kienu diġà bnew vantaġġ ta' 2-1 barra minn darhom, b'din ir-rebħa Monaco jgħaddu b'aggregate ta' 5-2.
Kien Mbappe li witta t-triq lejn is-Semi Finali b'gowl wara biss tliet minuti, biex Radamel Falcao jirrdoppja mas-17-il minuta.
Fit-tieni taqsima Marcus Reus naqqas id-distakk għal Dortmund, iżda Monaco baqgħu fil-kontroll u żiedu gowl ieħor disa' minuti mit-tmiem permezz ta' Germain.
L-appuntament tant mistenni issa huwa għal nhar il-Ġimgħa f'nofsinhar, meta jitilgħu il-poloz tas-Semi Finali.

Ritratt: UEFA.com