UEFA Champions League: Juventus b’vantaġġ komdu fuq Barċellona

Tkompli l-UEFA Champions League bl-ewwel partita mill-fażi tal-Kwarti Finali, partita tant mistennija bejn Juventus u Barċellona.
Fl-istess waqt f'Dortmund, il-partita bejn Borussia Dortmund u Monaco kellha tiġi posposta għal għada fis-7 neqsin kwart ta' filgħaxija wara li t-tim ta' Borussia safa' fil-mira ta' splużjoni.
Juventus 3
Barċellona 0

Fil-Juventus Stadium f'Turin, iċ-champions Taljani b'wirja mill-aqwa ġabu fix-xejn lil Messi u sħabu f'partita kkontrollata mill-bidu sal-aħħar.
Paulo Dybala jwitti t-triq għal rebħa komda ta' 3-0 b'Juventus kostretti wkoll jiddefendu b'insistenza konxi mill-qawwa tal-attakk tal-avversarji.
Juventus ħarġu b'saħħithom u fl-ewwel minuti, tefgħu lil Barca fid-difiża, biex wara seba' minuti, kien Juan Cuadrado li b'pass fil-baxx mil-lemin żmarka lil Paulo Dybala li minn qagħda tajba b'xutt bid-dawra għeleb lil Ter Stegen għal 1-0.
Tgħaddi kwarta u Juventus dlonk jagħmluhom tnejn. Mario Mandzukic mix-xellug jgħaddi ballun perfett lejn Dybala li b'xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa jirdoppja għal Juventus.
Komdi mill-vantaġġ doppju, Juventus ikkontrollaw għal ħinijiet twal jgħalqu kull spazju possibbli, sakemm f'ċans iżolat għall-Katalani, Buffon wettaq save mill-aqwa fuq Andres Iniesta.
Fit-tieni taqsima, għal ħinijiet twal Barċellona ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba u jippruvaw isibu l-gowl barra minn darhom li seta' jiswa mitqlu deheb għal-logħba tar-ritorn.
Iżda kienu Juventus li għamluhom tlieta fil-55 minuta, meta minn corner mix-xellug ta' Miralem Pjanic, kien Giorgio Chiellini li b'daqqa ta' ras preċiża tefa' l-ballun fix-xibka.
Rebħa komda għal Juventus f'Turin, iżda konxi wkoll mill-fatt li ma' Barċellona, wieħed qatt ma jista' jagħmilha fatta daqshekk kmieni.
Appuntament għad-19 t'April fin-Nou Camp f'Barċellona għat-tieni leg.

Ritratt: UEFA.com