UEFA Champions League: It-timijiet ta’ Madrid l-ewwel tnejn fis-Semi Finali

Iż-żewġ timijiet ta' Madrid, li s-sena l-oħra waslu sal-Finali tal-UEFA Champions League huma l-ewwel żewġ semifinalisti tal-edizzjoni ta' din is-sena.
Dan wara li t-Tlieta filgħaxija, Real Madrid eliminaw lil Bayern Munich u Atlético Madrid temmew l-avventura ta' Leicester City.
Real Madrid 4
Bayern Munich 2

Real Madrid eliminaw lil Bayern Munich bi tliet gowls fil-ħin supplementari wara li sad-90 minuta, l-iskor kien identiku għal dak tal-ewwel leg bid-differenza li did-darba jkunu Bayern fil-vantaġġ ta' 2-1.
F'partita li żewġ deċiżjonijiet kontroversjali tar-referí iddeterminaw ir-riżultat aħħari, Real sabu ruħhom bi plejer iktar wara li tkeċċa Arturo Vidal fit-tieni taqsima u skorjaw il-gowl kruċjali fil-ħin supplementari bi Cristiano Ronaldo f'pożizzjoni ta' offside.
Kienu Bayern li fetħu l-iskor minn penalty ta' Robert Lewandowsky għal fawl fuq Robben fil-kaxxa.
Cristiano Ronaldo ġab id-dro temporanju għal Real nofsiegħa mill-ftuħ tat-tieni taqsima u sabu ruħhom minn taħt żewġ minuti biss wara b'awtogowl ta' Sergio Ramos.
Biex ħames minuti minn tmiem il-ħin regolamentari, Bayern spiċċaw b'10 wara li Vidal ġie ġġudikat li wettaq fawl li swieh it-tieni karta safra tal-logħba. Mir-replays deher ċar li fil-verità kien fawl ineżistenti.
Bl-iskor ta' 2-1 għal Bayern, il-logħba marret għall-ħin supplementari wara li l-iskor fuq iż-żewġ legs kien f'parità assoluta.
Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima supplementari, Cristiano Ronaldo għamel l-iskor 2-2 minn offside li l-assistent referì naqas milli jissenjala.
Fit-tieni taqsima Bayern Munich iċedu għal kollox u Cristiano Ronaldo u Marco Asensio jżidu żewġ gowls oħra.
Leicester City 1
Atlético Madrid 1

Dro f'darhom għal Leicester City ma kienx biżżejjed biex jagħmluha għas-Semi Finali anke jekk iċ-champions Ingliżi joħorġu minn din il-kompetizzjoni Ewropea fid-debutt tagħhom b'rashom mogħllija.
Wara r-rebħa minima ta' 1-0 il-ġimgħa l-oħra, Atlético rnexxielhom jiskurjaw gowl importanti barra minn darhom kważi man-nofsiegħa logħob permezz ta' Saúl biex hekk għamluha kważi impossibbli għal Leicester.
Minkejja t-telgħa iebsa li kellhom quddiemhom Leicester City, huma rnexielhom iġibu d-dro kwarta mill-ftuħ tat-tieni taqsima mis-solitu Jamie Vardy.

Ritratt: UEFA.com