UEFA Champions League: Il-bakketta ta’ Allegri tagħmel id-differenza

B'żewġ logħbiet oħra mill-UEFA Champions League, jiġi fi tmiemu l-ewwel leg mill-fażi tal-Aħħar 16 hekk kif jidħlu fl-azzjoni ċ-champions Taljani u Ingliżi, Juventus u Leicester City kontra Porto u Sevilla rispettivament.
B'rebħa ta' 2-0 barra minn darhom, Juventus issa komdi minn kwalifikazzjoni kważi ċerta, waqt li Leicester City jridu jdawru t-telfa ta' 2-1, fi żmien tlett ġimgħat oħra f'darhom.
Porto 0
Juventus 2

Kellhom ikunu żewġ minuti li ddeterminaw l-andament tal-logħba bejn Porto u Juventus: f'żewġ minuti, il-plejer Brażiljan ta' Porto Alex Telles jaqla' żewġ karti sofor li ħalla lil sħabu għal ħin twil jilagħbu f'inferjorità numerika, u f'żewġ minuti Juventus skorjaw iż-żewġ gowls li ddeterminaw ir-riżultat finali.
Wara 27 minuta logħob, Porto jispiċċaw b'għaxra għat-tkeċċija ta' Telles wara li fil-25 minuta kien diġà ġie ammonit biex minn hemm Juventus kellhom partita pjuttost faċli, fejn ħolqu ħafna azzjonijiet iżda rari kkonkludew.
L-aħjar azzjoni waslet f'saqajn Paulo Dybala li laqat il-lasta fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, żewġ sostituzzjonijiet tal-kowċ Massimiliano Allegri biddlu l-fortuna ta' Juventus li permezz ta' Marko Pjaca fit-72 minuta u ta' Dani Alves fl-74, issiġġillaw rebħa li kważi tpoġġihom fil-Kwarti.
Sevilla 2
Leicester City 1

Intant fil-partita bejn Sevilla u Leicester City, l-Ispanjoli fetħu vantaġġ doppju f'dik li dehret se tkun rebħa komda. Sevilla fallew penalty wara biss kwarta iżda ma damux biex fetħu l-iskor permezz ta' Pablo Sarabia fil-25 minuta.
Fit-tieni taqsima, kien Joaquin Correa li rdoppja sakemm is-solitu Jamie Vardy naqqas id-distakk u reġa' tefa' biċ-ċans lil Leicester li jippruvaw idawru r-riżultat f'darhom fit-tieni leg.

Ritratt: UEFA.com