UEFA Champions League: Hibs jirbħu f’Tallinn u jagħmluha għar-rawnd li jmiss

UEFA Champions League
L-Ewwel Rawnd Preliminari – It-Tieni Leg
FCI Tallinn 0
Hibernians 1

Iċ-champions Hibernians qatgħu il-passaġġ għat-tieni rawnd preliminari tal-UEFA Champions League, wara li fil-partita ta' ritorn kontra FCI Tallinn fl-Estonja, irnexxielhom jiksbu rebħa oħra, wara dik ta' ġimgħa ilu f'Kordin.
Kien gowl ta' Jorginho fit-88 minuta logħob, li qabad għal kollox lid-difiża avversarja fuq sieq waħda, u wara li rnexxielu jaqbeż lill-gowler Matvei Igonen, tefa' fix-xibka f'lasta vojta.
Ta' min isemmi li għall-Pawlisti, eżattament wara biss kwarta logħob, weġġa' l-gowler internazzjonali Malti, Andrew Hogg, biex minfloku daħal jilgħab is-sositut Rudi Briffa.
Tul l-ewwel taqsima, FCI Tallinn kellhom iżjed pussess tal-ballun f'tentattiv biex jippruvaw jirkupraw l-iżvantaġġ doppju tal-ewwel leg, iżda aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Hibernians iktar bdew jikkontrollaw lill-avversarji.
Biex fit-tieni taqsima, Hibs komplew jgħalqu l-ispazji kollha fid-difiża u joperaw kif jistgħu bil-kontrattakk sakemm żewġ minuti mit-tmiem, Hibs marru fil-vantaġġ f'ħarba iżolata. 
B'hekk Hibernians jgħaddu b'aggregate ta' 3-0 u issa jiltaqgħu kontra l-Awstrijaċi ta' FC Salzburg, bl-ewwel leg jintlgħab fil-Hibernians Stadium, it-Tlieta li ġej.
UEFA Europa League
L-Ewwel Rawnd Preliminari – It-Tieni Leg
Balzan 3
Videoton 3

Intant fil-UEFA Europa League, Balzan inqalgħu għas-spejjeż tal-Ungeriżi Videoton wara li fit-tieni leg, f'partita li ntlagħbet fil-Hibernians Stadium f'Kordin, spiċċaw fi dro ta' 3-3.
B'hekk ġew eliminati b'aggregate ta' 5-3 wara t-telfa ta' 2-0 away il-ġimgħa li għaddiet fl-Ungerija.
Balzan fetħu tajjeb u wara tliet minuti marru fil-vantaġġ permezz ta' Bojan Kaljevic, iżda wara kwarta Videoton ġabu d-dro permezz ta' Krisztian Garesi.
L-Ungeriżi marru fil-vantaġġ fit-23 minuta logħob b'gowl ta' Marko Scepovic u għal ftit m'għamluhomx tlieta fit-28 minuta logħob, meta Danko Lazovic laqat il-lasta l-mimduda.
Biex fit-tieni taqsima, Balzan ġabu d-dro bi ġmiel ta' gowl ta' Alfred Effiong, u Videoton reġgħu marru fil-vantaġġ għaxar minuti mit-tmiem permezz ta' Roland Juhasz.
Erba' minuti mit-tmiem, Bojan Kaljevic ġab id-dro minn penalty, biex poġġa r-riżultat 3-3 – dro iżda li ma jiswa xejn għat-tamiet ta' Balzan.