UEFA Champions League: Hibernians eliminati mill-qawwa ta’ Red Bull Salzburg

UEFA Champions League
It-Tieni Rawnd Preliminari – It-Tieni Leg
Red Bull Salzburg 3
Hibernians 0

It-tim ta' Hibernians temm l-avventura tiegħu fil-UEFA Champions League b'telfa oħra ta' 3-0 kontra Red Bull Salzburg, biex b'hekk il-Pawlisti sfaw eliminati b'aggregate ta' 6-0.
Bla dubju, għal Hibs kienet impreża kważi impossibblli, dik li jippruvaw jaqtgħu passaġġ għat-tielet rawnd preliminari, wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra f'Kordin.
F'Salzburg, l-ospiti bdew mill-ewwel b'saħħithom u fetħu l-iskor wara biss 11-il minuta, meta Marc Rzatkowski żmarkat għal kollox fil-kaxxa l-kbira tefa' fix-xibka b'daqqa ta' ras wara li Andrew Hogg kien salva parzjalment tentattiv ieħor tal-Awstrijaċi.
Red Bull baqgħu jiddominaw għal kollox tul il-partita u fid-19-il minuta komplew ikabbru d-distakk, meta Fredrik Gulbrandsen b'xutt angolat mil-lemin għeleb għal kollox lil Hogg għal skor ta' 2-0.
Fit-tieni taqsima, wara li għal ħinijiet twal Salzburg komplew iwettqu diversi ċansijiet ta' skor, Hibernians resqu viċin il-gowl tal-bandiera, meta Jorginho japprofitta minn żball difensiv, u b'xutt bid-dawra jaħsad għal kollox lill-gowler Cican Stankovic barra minn postu bil-ballun jgħaddi jħakkek mal-lasta l-wieqfa.
Biex ħames minuti mit-tmiem, Red Bull Salzburg jagħmluhom tlieta b'gowl skurjat minn Amadou Haidara.