UEFA Champions League: Gowl sabiħ ta’ Saúl jagħti vantaġġ lil Atlético

Tissokta l-UEFA Champions League bit-tieni Semi-Finali, dik bejn Atlético Madrid u Bayern Munich.
Gowl spettakolari fl-ewwel taqsima minn Saúl kien biż-żejjed għall-Madrileni biex biex issa jmorru għat-tieni leg b'vantaġġ minimu ta' 1-0.
Il-midfielder ċentrali ta' Atlético Madrid seraq ballun f'nofs il-grawnd u wara serje ta' dribbles fuq l-avversarji, daħal fil-kaxxa u b'xutt imdawwar fil-baxx għeleb għal kollox lil Manuel Neuer.
Fit-tieni taqsima, Bayern resqu viċin diversi drabi b'mod partikolari permezz ta' Alaba u Coman, iżda Atlético setgħu saħansitra rduppjaw meta Fernando Torres laqat il-last f'kontrattakk veloċi.
Partita li għall-kuntrarju ta' dik tal-bieraħ, kienet waħda spettakolari li minkejja kollox, tħalli kollox miftuħ għall-ġimgħa d-dieħla fi Munich.

Ritratt: UEFA.com