UEFA Champions League: Eliminazzjoni kontroversjali għal Barċellona

Jekk fil-UEFA Champions League kien hemm xi dubju fuq is-saħta li ħadd ma jirnexxielu jirbaħ it-tazza darbtejn fuq xulxin, illejla reġa' kellna konferma oħra hekk kif il-holders Barċellona sfaw eliminati b'sorpriża mir-rivali Atlético Madrid.
Għall-Katalani din kienet it-tielet telfa konsekuttiva bejn Liga Spanjola u Champions League.
Minkejja li Barċellona dehru 'l bogħod mill-forma li mdorrijin narawhom biha, deċiżjoni kontroversjali tar-referì Taljan Nicola Rizzoli li ma tax penalty lil Barċellona fl-aħħar 5 minuti għal handsball fil-kaxxa, ddeterminat ir-riżultat finali.
Kien il-Ġermaniż Antoine Griezmann li b'gowl f'kull taqsima (it-tieni minn penalty) ssiġilla rebħa ta' 2-0 għall-Madrileni biex hekk għaddew b'aggregate ta' 3-2.
Fil-Kwarti tal-Finali l-oħra, Bayern Munich tħabtu iżjed milli mistenni, meta barra minn darhom spiċċaw fi dro ta' 2-2. Benfica fetħu l-iskor permezz ta' Jimenez biex Vidal ġab id-dro ftit qabel l-intervall.
Fit-tieni taqsima, Müller dawwar temporanjament ir-riżultat favur Bayern biex Benfica ġabu d-dro minn Anderson Talisca kwarta mit-tmiem. Bayern Munich jgħaddu b'aggregate ta' 3-2.

Ritratt: UEFA.com