UEFA Champions League: Doppjetta ta’ Suárez iddawwar ir-riżultat favur Barċellona

F'partita sabiħa bejn żewġ timijiet Spanjoli fin-Nou Camp, Barċellona għelbu lil Atlético Madrid bl-iskor ta' 2-1 fl-ewwel leg tal-Kwarti tal-Finali tal-UEFA Champions League.
Wara li kien Fernando Torres li fetaħ l-iskor għall-Madrileni fil-25 minuta logħob, l-istess Torres f'temp ta' 10 minuti qala' żewġ karti sofor biex Atlético spiċċaw jilgħabu b'10 plejers.
Minn hemm Barċellona tefgħu pressjoni fuq l-avversarji u għalkemm daħlu jistrieħu b'gowl minn taħt, doppjetta ta' Luis Suárez fit-63 u fl-74 minuta, dawwret ir-riżultat għall-Katalani.
Fil-Kwarti tal-Finali l-oħra, dik bejn Bayern Munich u Benfica, gowl wara żewġ minuti taċ-Ċilen Arturo Vidal, kien biż-żejjed għal Bayern biex għalqu l-ewwel leg fil-vantaġġ.
B'dawn ir-riżultati jibqa' kollox miftuħ beraħ fid-diskors ta' kwalifikazzjoni b'kollox rimandat għall-partiti tar-ritorn.

Ritratt: UEFA.com