UEFA Champions League: Doppjetta ta’ Cristiano Ronaldo tpoġġi lil Real favoriti

L-Erbgħa filgħaxija ġie fi tmiemu l-ewwel leg tal-Kwarti Finali tal-UEFA Champions League bi tliet partiti fosthom il-konfront bejn Borussia Dortmund u Monaco li kien pospost mit-Tlieta filgħaxija.
Jispikkaw it-telfiet fil-Ġermanja għal Borussia Dortmund u Bayern Munich waqt li Atlético Madrid irreġistraw rebħa minima f'darhom kontra Leicester City. Tliet riżultati li jħallu kollox miftuħ għat-tieni leg tal-ġimgħa d-dieħla.
Borussia Dortmund 2
Monaco 3

Wara l-esperjenza qarsa ta' lejliet, it-tim ta' Borussia Dortmund deher li seta' kien għadu jsofri psikoloġikament it-trawma hekk kif kellhom bidu ferm diffiċli b'Monaco saħansitra l-ewwel fallew penalty wara 17-il minuta u żewġ minuti wara fetħu l-iskor permezz ta' Mbappe.
Mal-35 minuta, Monaco rdoppjaw minn awtogowl ta' Sven Bender u hekk għalqet l-ewwel taqsima.
Wara l-intervall, Dortmund bdew jipprovaw jerġgħu jidħlu fil-partita u s-solitu Dembele naqqas id-distakk, iżda fl-aħħar għaxar minuti, Mbappe kien għoddu qata' t-tamiet kollha għal Borussia bit-tielet gowl għal Monaco.
Iżda biex kollox jibqa' inċert qabel il-logħba tar-ritorn, Shinji Kagawa reġa' naqqas id-distakk għal Dortmund, bil-Franċiżi jibqgħu favoriti li jgħaddu grazzi għat-tliet gowls li skorjaw barra minn darhom.
Atlético Madrid 1
Leicester City 0

L-avventura ta' Leicester City fil-UEFA Champions League possibilment tista' tilħaq livelli immaġinabbli wara li barra minn darhom għand Atlético Madrid tilfu biss bi skor minimu.
Minkejja l-qawwa tal-Madrileni li bdew bħala favoriti netti li jgħaddu għas-Semi Finali, kellu jkun gowl uniku minn penalty ta' Antoine Griezmann li ta r-rebħa lil Atlético.
Leicester City issa jmorru f'darhom konxji li jistgħu iwettqu waħda mill-ikbar sorpriżi tal-kompetizzjoni.
Bayern Munich 1
Real Madrid 2

Fil-partitissima bejn il-ġganti ta' Munich u Madrid, kienu Real li ħarġu rebbieħa grazzi għal doppjetta tas-solitu Cristiano Ronaldo.
Fl-ewwel taqsima, Bayern Munich kienu aħjar tant li kellhom mas-60% pussess tal-ballun u Arturo Vidal kien il-protagonista assolut.
L-ewwel għax kien hu li skorja l-gowl tal-vantaġġ għal Bayern u mbagħad għax kien hu li tilef ċans tad-deheb li jirdoppja, meta fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima falla penalty.
Għal dan, Bayern pattew qares għax mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Real ġabu d-dro permezz ta' Cristiano Ronaldo li rċieva cross tajjeb minn Carvajal.
Sas-siegħa logħob, Bayern baqgħu iżjed perikolużi u avventurużi fuq l-attakk, sakemm fil-61 minuta, Javier Martinez qala' t-tieni karta safra u ħalla lill-Bavarjani jilagħbu b'10.
Minn hemm kienu Real li bdew jgħafsu biex fis-77 minuta logħob għal darba oħra Cristiano Ronaldo jikkonettja tajjeb minn cross u jitfa' lil Real fil-vantaġġ.
Biex b'din ir-rebħa Real issa jmorru darhom b'vantaġġ komdu, anke jekk kollox jibqa' miftuħ għal kull riżultat.

Ritratt: UEFA.com