UEFA Champions League: City jiġbru ġieħhom f’logħba drammatika

Xalata ta' gowls u spettaklu mill-aqwa fil-UEFA Champions League hekk kif illejla tissokta l-ogħla kompetizzjoni Ewropea fuq livell ta' klabbs.
Total ta' 14-il gowl f'żewġ logħbiet, partita drammatika bejn Manchester City u Monaco u erba' gowls barra minn darhom skurjati minn Atlético Madrid kontra Bayer Leverkusen.
Manchester City 5
Monaco 3

Fl-Etihad Stadium f'Manchester, is-Citizens irreġistraw rebħa ta' 5-3 f'partita mill-isbaħ, li fiha marru fil-vantaġġ fl-ewwel nofsiegħa, sfaw minn taħt darbtejn u reġgħu dawru r-riżultat lejn it-tmiem.
Wara 26 minuta logħob Rahim Sterling fetaħ l-iskor għal Manchester City, liema vantaġġ damu jgawduh biss sitt minuti meta Radamel Falcao ġab id-dro għal Monaco.
Biex Mbappe leħaq dawwar ir-riżultat għal Monaco sa tmiem l-ewwel taqsima u kmieni wara l-intervall, Falcao falla penalty li għalih Monaco pattew qares.
Filfatt mas-siegħa logħob, Sergio Aguero ġab id-dro ta' 2-2 għal Manchester City iżda għal darb'oħra kien gowl li damu jgawdu biss tliet minuti, meta Radamel Falcao skorja t-tielet wieħed għal Monaco.
Bi tliet gowls skurjati barra minn darhom, Monaco dehru li qatgħu iċ-ċansijiet kollha tas-City, iżda fil-71 minuta Aguero reġa' ġab id-dro: 3-3.
Iżda l-ispettaklu ma kienx komplut hekk kif Manchester City jżidu żewġ gowls oħra fl-aħħar kwarta, l-ewwel permezz ta' John Stones u mbagħad minn Leroy Sane tmien minuti mit-tmiem.
Bayer Leverkusen 2
Atlético Madrid 4

Fil-partita l-oħra, Atlético Madrid tista' tgħid qatgħu il-passaġġ għall-Kwarti Finali wara li b'ċerta faċilità rnexxielhom jiskorjaw erba' gowls barra minn darhom.
Kien Saúl li bi ġmiel ta' gowl fetaħ l-iskor wara 17-il minuta, u Antoine Griezmann irdoppja wara li Gameiro ġabu waħdu b'kontrattakk veloċi mal-25 minuta logħob.
Kmieni fit-tieni taqsima, Karim Bellarabi reġa' daħħal lil Bayer fil-logħba iżda fid-59 minuta Kevin Gameiro kabbar il-vantaġġ għall-Madrileni minn penalty kontroversjali għal foul li oriġina barra l-kaxxa.
Fit-68 minuta, Bayer Leverkusen reġgħu naqqsu d-distakk meta l-gowler ta' Atlético kklerja ħażin, bil-ballun jaħbat ma' sieħbu d-difensur Stefan Savic u jispiċċa fix-xibka tiegħu stess.
Iżda Atlético baqgħu jagħfsu u Fernando Torres skorja r-raba' wieħed erba' minuti mit-tmiem.

Ritratt: UEFA.com