UEFA Champions League: Bayern b’saħħithom wisq għal Arsenal

Hekk kif illejla kompliet ir-raba' ġurnata mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, tispikka bla dubju r-rebħa kbira ta' Bayern Munich fuq Arsenal bl-iskor ta' 5-1.
Bayern fetħu l-iskor wara 10 minuti minn Lewandowski, b'Müller u Alaba jiskurjaw tnejn oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, ftit wara d-dħul ta' Robben, Bayern għamluhom 4-0 permezz tal-istess plejer Olandiż, Arsenal naqqsu d-distakk minn Giroud biex Müller għaqqad dopjetta fl-aħħar minuta għal skor finali ta' 5-1.
Bayern Munich issa jinsabu viċin il-kwalifikazzjoni, b'Arsenal kostretti jirbħu l-konfronti li fadlilhom wara li fl-istess grupp, Olympiakos telgħu l-ewwel daqs Bayern wara r-rebħa ta' llejla ta' 2-1 fuq Dinamo Zagreb.
Minn Grupp E, Barċellona kkwalifikaw grazzi għar-rebħa ta' 3-0 fuq BATE Borisov, waqt li Roma rebħu 3-2 kontra Bayer Leverkusen.
F'din il-logħba, Roma skurjaw l-iktar gowl kmieni qatt reġistrat fil-UEFA Champions League wara żewġ minuti minn Salah.
Fi Grupp G, Porto wkoll għaddew għall-fażi li jmiss wara li għelbu 3-1 lil Maccabi Tel Aviv f'Iżrael b'Chelsea jieħdu ftit tan-nifs meta rebħu 2-1 f'darhom lil Dynamo Kyiv.
Zenit St. Petersburg huwa l-uniku tim b'punti massimi wara 4 logħbiet, u matematikament ġewwa wara r-rebħa ta' llejla ta' 2-0 fuq Lyon barra minn darhom.
Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, Valencia tilfu 1-0 kontra Gent.

Ritratt: UEFA.com